STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali jirreferi għall-konferenza stampa tal-Onor Leo Brincat. Leo Brincat, kif għamel f’okkażjonijiet oħrajn, jasal għal konklużjonijiet infondati magħmulin biss għal sensazzjonaliżmu.
L-Onor Brincat jagħżel li jinjora l-argumenti magħmula mill-WS kemm fir-rapport tal-awditur kif ukoll fid-diversi stqarrijiet u informazzjoni li ngħatat inkluż fi tweġibiet għal mistoqsijiet parlamentari. Din mhux l-ewwel darba li biex jipprova jitfa’ t-tajn, l-Onor Brincat saħansitra spiċċa biex żelaq fin-niexef. L-Onor Brincat żbalja:
• fuq l-Awdituri tal-WasteServ meta qal li nbiddlu għax kienu kkritikaw, meta filfatt kienu ġew kkonfermati;
• meta qal li bl-iskart tal-ħġieġ f’Wied Fulija ma kien qed isir xejn, iżda propju fl-istess ġurnata tal-istqarrija tiegħu ammont qawwi ta’ ħġieġ kien qed jitgħabba fuq vapur biex jiġi esportat;
• fuq interpretazzjoni ta’ statistika marbuta mas-separazzjoni tal-iskart meta kien qed uża ċifri li kienu antiki;
• meta vvinta li qed jiġu impurtati karkassi biex ikunu trattati fl-inċineratur, u rapport indipendenti qal li din ħrafa.
L-Onor. Brincat għal darb’oħra qed jipprova jħawwad l-imħuħ u jibni argument fuq premessa żbaljata.
Fost l-argumenti li ressaq Leo Brincat illum huwa għoġbu jsemmi l-kuntratt lil kumpanija privata biex tipprovdi servizzi ta’ ħaddiema biex jaħdmu fl-impjanti tal-WasteServ. Kuntrarjament għal dak li ta x’jifhem Leo Brincat il-valur tal-aġġudikazzjoni kien abbażi tal-management fee (commission) għal kull ħaddiem u ma kienx jinkludi spejjeż oħra bħal pagi, bonuses u allowances. B’hekk il-valur tat-tender mhux veru li tela’ minn miljun għal tletin miljun Ewro peress li t-tletin miljun jinkludi wkoll l-ispejjeż tal-pagi li ma kinux inklużi fil-valur tal-kuntratt. Ta’ min jgħid ukoll li kull estensjoni għall-kuntratt oriġinali kellha dejjem l-approvazzjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Dan kollu ġie spjegat b’mod dettaljat mill-WasteServ lill-Awditur
L-Onor. Brincat ma jistax jittieħed bis-serjetà. L-Onor Brincat u l-Oppożizzjoni li llum qed jgħid li jaqbel mal-immaniġjar tal-iskart, dejjem fixklu l-pjani tal-Gvern biex mill-iskart li pajjiżna jipproduċi jkun trattat u tiġi ġġenerata l-enerġija nadifa. Dott. Muscat, illum Kap tal-Oppożizzjoni, kien saħansitra ħeġġeġ biex tinġabar petizzjoni kontra l-immodernizzar tal-Impjant ta’ Sant’ Antnin u jtellef il-fondi Ewropej għal Malta. Li kien għall-Oppożizzjoni l-Magħtab ma ngħalqitx u pajjiżna għadu juża dik il-miżbla mingħajr kontroll b’riskji għas-saħħa tal-bniedem.
Il-fatt li l-immaniġjar tal-iskart f’pajjiżna hu storja ta’ suċċess iweġġa’ l-Partit Laburista, u għalhekk qed jiprova jisforza biex iċajpar dak li bil-fatti dan il-Gvern wettaq f’dan il-qasam, minkejja t-tfixkil kollu tal-Oppożizzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en