RIŻULTATI REKORD GĦAX-XHUR TAS-SAJF TURISTIKU
Ottubru huwa is-seba’ xahar rekord konsekuttiv fit-turiżmu
Fl-ewwel għaxar xhur tas-sena kien hawn diġà żieda ta’ 21,000 turist fuq Jannar-Ottubru 2011
1. Is-sajf turistiku ta’ din is-sena kien sajf rekord. Is-sajf fit-turiżmu huwa meqjus li jibda f’April u jintemm f’Ottubru u matul dawn x-xhur fl-2012 pajjiżna kellu riżultati rekord fl-ammont ta’ turisti, fl-iljieli li qatgħu Malta u fin-nefqa tat-turisti.
Bejn April u Ottubru 2012, ġew Malta aktar minn 1.09 miljun turist li jfisser żieda ta’ 48,138 turist fuq l-ammont ta’ turisti fl-istess perjodu is-sena li għaddiet. Dawn qattgħu ’l fuq minn 9.6 miljun lejl, li jfisser żieda ta’ madwar 900,000 lejl fuq April – Ottubru 2011 u nefqu aktar minn biljun ewro li jfisser żieda ta’ €91 miljun fuq n-nefqa fl-istess perjodu fl-2011.
2. L-istatistika ppublikata llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li f’Ottubru ta’ din is-sena żaru Malta 152,572 turist, żieda ta’ ¬4,686 (+3.2%) turist fuq l-istess perjodu fl-2011. Dawn qattgħu aktar minn 1.2 miljun lejl li jfisser żieda ta’ 81,129(+6.8%) lejl fuq Settembru 2011 u nefqu aktar minn €139.5 miljun li jfisser żieda ta’ aktar minn €11 il- miljun (+8.8%) fuq l-istess xahar tas-sena l-oħra. B’hekk Ottubru huwa s-seba’ xahar konsekuttiv li fih kienu reġistrati riżultati rekord fi tlett indikaturi ewlenin tas-settur turistiku jiġifieri fin-numru ta’ turisti, fl-iljieli li qattgħu f’pajjiżna u fin-nefqa tagħhom f’Malta.
3. Anke r-riżultati għall-ewwel għaxar xhur tas-sena huma pożittivi. Bejn Jannar u Ottubru 2012 ġew Malta madwar 1.3 miljun turist, żieda ta’ aktar minn 21,000 turist fuq l-istess perjodu is-sena li għaddiet u qattgħu ’l fuq minn 11 il-miljun lejl, żieda ta’ aktar minn 745,000 (+7.1%) lejl fuq Jannar-Ottubru 2011. Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, it-turisti nefqu ’l fuq minn 1.2 biljun ewro, żieda ta’ aktar minn €91miljun (+8.1%) fuq l-istess perjodu fl-2011. Din in-nefqa tfisser kummerċ għal diversi negozji fosthom lukandi, ristoranti, u kull tip ta’ negozju li jgawdi mis-suċċess fis-settur turistiku. Tfisser ukoll ħolqien ta’ aktar impjiegi.
Ir-riżultati fis-settur turistiku huma frott ħidma li qed titwettaq bejn il-Gvern u d-diversi stakeholders. Il-Gvern jibqa’ impenjat li jkompli jaħdem id f’id mal-istakeholders fl-industrija turistika biex jkompli l-investiment fil-prodott, fis-servizzi turistiċi, fl-attivitajiet kulturali u avvenimenti oħra interessanti li qed jiġu organizzati f’pajjiżna, fil-promozzjoni barra minn pajjiżna kif ukoll fl-aċċessibilità. Il-Gvern jibqa’ impenjat li jkompli jwettaq politika għaqlija għat-turiżmu għaliex jagħraf li dan huwa pilastru ewlieni tal-ekonomija ta’ pajjiżna li jiġġenera l-kummerċ u joħloq l-impjiegi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en