TNEDIJA TA’ KODIĊI TA’ ETIKA GĦALL-GĦALLIEMA
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina varat Kodiċi ta’ Etika u Prattika għall-Għalliema li għandu jirrifletti aħjar it-tibdil kontinwu li qed isir fid-dinja ta’ madwarna, mhux l-anqas fil-qasam tal-edukazzjoni. Dan il-Kodiċi se jieħu post kodiċi li kien jeżisti iżda li sar titjib fuqu biex ikun jirrifletti r-realtajiet tal-lum.
F’diskors li għamlet il-Ministru fakkret li ħadd minna ma jgħix f’vakum. Ngħixu f’soċjetà demokratika li titlob minn kull wieħed u waħda minnha, skont ir-rwol li għandna fis-soċjetà, imġieba korretta u ċivili fil-konfront tal-oħrajn.
Dan il-Kodiċi se jkompli jsaħħaħ il-prinċipji ta’ mġieba u prattiċi tajbin għall-Għalliema f’Malta u Għawdex. Bħalissa qed jitfasslu Kodiċi simili għall-Kindergarten Assistants u għal Learning Support Assistants. L-iskop tagħhom hu li jkunu ta’ gwida prattika għall-professjonisti fl-iskejjel, meta jiġu biex jieħdu deċiżjonijiet, li minħabba x-xogħol importanti tagħhom żgur li se jkollhom jieħdu ta’ spiss.
Din hi gwida ta’ kif nixtiequ li jimxu l-għalliema tagħna. Iżda l-Kodiċi mhux dokument li se jagħti risposta għal kull sitwazzjoni li tista’ tinqala. Għalhekk l-għalliema jridu jirriflettu u jadottaw dawn il-prinċipji b’mod kritiku skont is-sitwazzjoni li jkunu ffaċċjati biha.
Il-professjoni li għandha influwenza sinifikattiva fuq il-ħajja tat-tfal. Studju li sar identifika sitt fatturi li jinfluwenzaw lill-istudent: l-istudent inniffsu, id-dar, l-iskola, il-kap tal-iskola, il-ħbieb u l-għalliem. L-istudju wera li l-istudent inniffsu għandu 50% effett fuq dak li jista’ jwettaq. Dan kien segwit bl-għalliem li għandu 30% effett fuq l-istudent. Dan ifisser li l-għalliem l-aktar li għandu effett fuq l-istudent u għalhekk inħeġġeġ lill-għalliema kollha biex dan iżommuh il-ħin kollu f’moħħhom.
Dan hu aktar importanti meta l-lum fil-klassijiet tagħna għandna studenti b’abbiltajiet imħallta u allura jimxu b’pass differenti minn xulxin iżda lkoll għandhom dritt indaqs għat-tagħlim. Ma kull wieħed mill-istudenti fdati f’idejhom l-għalliema jridu jimxu daqs li kieku dawn kienu uliedhom stess. Hekk titlob l-etika – li tagħmel ma’ ħaddieħor dak li trid li jsir miegħek jew ma’ min hu għażiż għalik.
Dan il-Kodiċi ta’ Etika jippromwovi il-valuri li rridu nosservaw fil-ħidma tagħna li huma dawk tal-ġustizzja, rispett, integrità u responsabbiltà.
Dawn il-valuri inpoġġuhom fil-prattika billi nagħtu servizz ta’ kwalità kemm fil-klassi kif ukoll fil-komunità, inkunu onesti u accountable. Irridu nkunu kommessi li f’ħidmietna nimxu b’ġustizzja u nneħħu kull preġudizzju li jista’ jkollna u nagħmlu deċiżjonijiet ġusti li ma jkunux diskriminatorji.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni saħqet li l-għalliem għandu obbligu li joħloq esperjenzi pożittivi ta’ tagħlim li jkunu jinvolvu lill-istudent, jimmotivawh u joffrulu sfida, f’ambjent inklussiv u f’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja biex nassiguraw li jkollha ċittadini tajbin.
L-għalliem irid iżomm relazzjonijiet professjonali mal-istudenti, mal-ġenituri tagħhom, mal-kollegi u ma’ stakeholders oħra.
Niftakru li l-istudent u anke s-soċjetà iħarsu lejn l-għalliem bħala mudell u għalhekk irid ikun ta’ eżempju kemm fl-iskola kif ukoll fis-soċjetà. Dan il-Kodiċi ta’ Etika u Prattika għandu jservi ta’ gwida tajba lil kull għalliem biex b’imġiebtu jkompli jżomm fil-għoli r-rispett li l-professjoni tal-għalliema tgawdi fis-soċjetà Maltija.
L-Avukat Edward Camilleri, Chairman tal-Kunsill tal-Professjoni tal-Għalliema tkellem dwar il-prinċipji li fuqhom hu bbażat dan il-Kodiċi filwaqt li l-Viċi President tal-MUT Marco Bonnici tkellem dwar sehem l-MUT fit-tfassil ta’ dan il-Kodiċi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en