AKTAR LIĠIJIET U INIZJATTIVI FAVUR PERSUNI B’DIŻABILITÀ
“Fl-aħħar 25 sena l-mentalità tagħna l-Maltin dwar il-persuni b’diżabilità nbidlet kompletament. Saret rivoluzzjoni fil-ħsieb ta’ ħafna b’mod invidiwali u tas-soċjetà b’mod ġenerali, bil-Gvern jintroduċi diversi liġijiet u inizjattivi ġodda, iżda fadal iktar xi jsir.”
Il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said qal dan fit-tnedija ta’ DVD mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (KNPD) fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mit-twaqqif tal-kummissjoni, u fil-Jum Internazzjonali ddedikat lill-persuni b’diżabilità.
Filwaqt illi feraħ lill-KNPD għax-xogħol siewi tagħha fl-aħħar 25 sena, il-Ministru Said irrefera għall-iżviluppi fil-liġijiet ta’ Malta li jħarsu l-interessi tal-persuni b’diżabilità, b’mod partikolari li jippromwovu l-ugwaljanza u li jilqgħu kontra d-diskriminazzjoni. Huwa semma fost l-oħrajn il-qbil li ntlaħaq nhar l-Erbgħa fl-istadju ta’ Kumitat Parlamentari dwar il-liġi tal-Guardianship li hi maħsuba biex persuni b’diżabilità jinqatgħu għal kollox mill-interdizzjoni u mill-inkapaċitazzjoni, u jekk ma jkunux jistgħu jieħdu ħsieb ta’ ħwejjiġhom jinħatar kustodju li jkun jista’ jirrappreżentahom b’mod aktar ekwu.
Din il-liġi mistennija toffri saff ta’ protezzjoni għal dawn in-nies li ma jkunux jistgħu jieħdu ħsieb tagħhom infushom biex b’hekk ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Hi mistennija tkompli tibni fuq il-Liġi Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità) li kienet l-ewwel liġi ta’ dan il-millenju f’Malta, u anke l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità li daħlet fis-seħħ f’Novembru li għadda. Malta rratifikat din il-konvenzjoni xahar qabel.
Il-Ministru Said irrefera għall-inizjattivi għall-persuni b’diżabilità li ħabbar il-Gvern fil-preżentazzjoni tal-Baġit għall-2013, b’mod speċifiku għall-programm Job Bridge li jrid jintroduċi l-Gvern biex jagħti taħriġ speċjalizzat għal persuni b’diżabilità, inkluż f’ċentru apposta li qed jinbena f’Pembroke, biex dawn jibnu l-kompetenzi u l-ħiliet meħtieġa biex jadattaw għas-suq tax-xogħol.
Chris Said semma kif illum f’Malta hawn madwar 1,300 persuna b’diżabilità li daħlu fid-dinja tax-xogħol, bil-Gvern iwaqqaf il-koperattiva Me2 u nieda skema fejn Kunsilli Lokali jħaddmu magħhom mat-80 persuna b’diżabilità.
Huwa qal li l-Gvern irid jestendi din l-iskema għall-għaqdiet volontarji u għal entitajiet governattivi oħra biex jinħolqu madwar 150 impjieg ieħor għall-persuni b’diżabilità fil-komunità, 50 minnhom f’Għawdex.
Il-Ministru Said rrefera wkoll għall-persuni b’diżabilità fil-qasam edukattiv fosthom li f’pajjiżna r-rata ta’ tfal li ma jattendux il-mainstream education niżlet għal 0.15%, ferm inqas mill-medja fl-UE li hi ta’ 2.3%. Fl-istess ħin, il-Gvern qed jinvesti wkoll f’Ċentri ta’ Riżorsi għall-persuni b’diżabilità li jeħtiġuhom, li mistennija jiżdiedu fis-snin li ġejjin bil-Gvern jipproponi ċentri ta’ riżorsi f’Raħal Ġdid u l-Ħamrun.
Il-Gvern beda wkoll ħidma biex anke studenti b’diżabilità fl-Università ta’ Malta jiġu megħjuna biex ma jkollhomx xkiel fl-istudji terzjarji tagħhom u minbarra assessment personalizzat, jingħataw ukoll għajnuna finanzjarja. Il-Gvern qiegħed jipproponi li din l-inizjattiva tinfirex fuq l-istudenti b’diżabilità fil-livell post-sekondarju u terzjarju.
Dan kollu, saħaq il-Ministru Chris Said, il-Gvern qiegħed iwettqu u jipproponi triq ’il quddiem biex anke l-persuni b’diżabilità f’pajjiżna jkollhom kwalità ta’ ħajja li tkompli titjieb, b’investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom u possibilità dejjem ikbar ta’ ħajja iktar indipendenti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en