Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU GĦAL WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-HANGAR IL-ĠDID TAL-AIR WING TAL-FORZI ARMATI TA' MALTA, KIRKOP - IT-TNEJN 3 TA' DIĊEMBRU 2012

pr2650
Date Icon 03/12/2012

Kap Kmandant,
Mistiedna distinti,
Sinjuri,

Huwa ta' sodisfazzjon kbir għalija bħala Prim Ministru li qiegħed hawn biex għal darb'oħra niċċelebraw investiment ieħor ġdid fl-iskwadra tal-ajru tal-Forzi Armati ta' Malta.

L-okkażjoni tal-lum mhix biss marbuta mal-inawugrazzjoni ta’ dan il-hangar il-ġdid li qiegħed jilqgħana, iżda hija fl-istess ħin ċelebrazzjoni tal-investiment kollu li sar u qiegħed isir fil-Forzi Armati ta’ Malta.

Fuq kollox, hi ċelebrazzjoni tad-dedikazzjoni, tas-sagrifiċċju u tal-ħidma ta' kull suldat illum b'enfażi fuq il-membri tal-iskwadra tal-ajru.  Il-pajjiż konxju u japprezza x-xogħol siewi tagħkom bħala skwadra.

L-impenn tagħkom f'kull salvataġġ hu magħruf. 

Lejl u nhar, xita u bnazzi tirrispondu għal kull sejħa u ssalvaw il-ħajja tan-nies.

Rajna u ammirajna wkoll il-ħidma tagħkom meta pajjiżna jintlaqat mit-traġedja tal-immigrazzjoni irregolari.

Napprezzaw il-ħidma tagħkom bla waqfien u fis-skiet li tagħmlu biex tissorveljaw it-territorju Malti fil-ħidma kontra t-traffikar tad-droga u l-kutrabandu.  Intom għandkom sehem importanti biex iċ-ċittadini Maltin ikollhom aktar serħan tal-moħħ.

Ta' dan kollu u aktar għandkom l-ammirazzjoni tiegħi mhux biss bħala Prim Ministru imma wisq aktar bħala Malti.

Konxji tar-rwol importanti tagħkom għal pajjiżna u wisq aktar għar-reġjun bħala fruntiera Ewropea, il-Gvern nieda programm ta' investiment permezz ta' fondi mill-Unjoni Ewropea fil-Forzi Armati ta' Malta li jaqbeż is-€60 miljun.  Terz minnhom, aktar minn €20 miljun, ġew investiti f'din l-iskwadra b'€19-il miljun jiġu investiti fiż-żewġ ajruplani l-ġodda tal-Forzi Armati ta’ Malta.  Dawn l-ajruplani huma mgħammra bl-aħħar tekonoloġija u qegħdin jagħtu servizz lill-pajjiż u lir-reġjun Ewropew. 

B'investiment ta' qrib żewġ miljun ewro, dan il-hangar modern joffri spazju addattat għaż-żewġ ajruplani kif ukoll joffri tagħmir speċjalizzat għall-manutenzzjoni tal-ajruplani mis-suldati mħarrġa l-MCAST.

Il-viżjoni tagħna hi li nkomplu ninvestu fil-Forzi Armati ta' pajjiżna u fl-iskwadra tal-ajru u bi pjaċir inħabbar l-intenzjoni tal-Gvern li jinvesti f'helikopter ġdid kif ukoll it-tkomplija tal-investiment f'din il-bażi tal-ajru.

Dan se jkun qiegħed jikkumplimenta l-investiment kollu li sar f’diversi oqsma tal-Forzi Armati ta’ Malta.  

L-investiment li sar tul dawn l-aħħar erba’ snin fil-Forzi Armati ta’ Malta huwa eżempju ieħor tal-benefiċċji tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea.  Il-fondi li akkwista pajjiżna qegħdin jagħmlu differenza fil-ħajja tagħna ta’ kuljum mit-toroq sal-Università sal-Isptar u sal-apparat għas-salvataġġ tan-nies; mit-taħriġ tal-ħaddiema għall-għoti ta’ scholarships liż-żgħażagħ.  Il-fondi li ksibna huma frott tal-ħidma tal-Gvern sabiex jinnegozzja pakkett ta' fondi li jagħmel differenza għal pajjiżna.  Il-Gvern huwa kommess li jkompli jagħmel din id-differenza u l-Gvern li jiena immexxi se jkompli jinnegozzja l-aħjar pakkett ta' fondi Ewropej għal Malta fix-xhur li ġejjin.  Irridu nkomplu nsaħħu l-investiment fl-oqsma kollha tal-ħajja u tas-soċjetà tagħna,mill-edukazzjoni għall-qasam soċjali, mis-sigurtà għall-infrastruttura, mit-taħriġ għall-inċentivi fl-enerġija alternattiva, minn tisħiħ tal-wirt storiku għal skemi għall-industrija.

Sinjuri,

L-investiment kollu li għamilna sa issa u se nkomplu nagħmlu fil-Forzi Armati ta’ Malta jixhed il-bżonnijiet tal-Forzi Armati hekk kif ħadu dimensjoni Ewropea.  Madanakollu lil hinn mill-bżonnijiet ta' apparat, il-Forzi Armati hi mibnija fuq il-ħidma u d-dedikazzjoni tas-suldati tagħha.  It-taħriġ tal-membri jiggarantixxu s-success tal-operazzjonijiet tagġha speċjalment ta' din l-iskwadra.  Mill-pilota sat-teknici sal-rescuer li salva l-persuna u jamminstra l-ewwel għajnuna.  It-taħriġ huwa ċ-ċavetta tas-suċċess. Hawn ukoll qegħdin ninvestu fit-taħriġ tas-suldati tagħna kemm b’taħriġ lokali u kif ukoll barra minn Malta.  Ma nistax ma nfaħħarx lil kull membru ta' din l-iskwadra tas-sagrifiċċji u d-dedikazzjoni li juru fit-taħriġ intensiv tagħhom.

Illum qegħdin nagħmlu pass ieħor fl-immodernizzar tal-Forzi Armati ta' pajjiżna.

Dan il-hangar huwa ħolqa oħra f'katina sħiħa ta' investimenti li l-Gvern għamel.  Jixhed il-viżjoni tagħna għall-Forzi Armati mħarrġa u mogħnija bl-aħjar apparat. 

Huwa investiment ieħor li jixhed il-fiduċja tagħna fikom is-suldati.

Malta kburija u rikonoxxenti lejkom membri tal-iskwadra tal-ajru u tal-Forzi Armati kollha.

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow