PROĠETT LI JĦARES U JIKKONSERVA AMBJENTI NATURALI F’GĦAWDEX U SQALLIJA
“Ir-riżultat tal-proġett SIMBIOTIC ser ikun ta’ benefiċċju għat-territorji rispettivi li jikkostitwixxu parti mill-wirt reġjonali tagħna. Dan bil-għan li dan il-wirt ikun protett u kkonservat biex jitgawda mill-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk tal-futur.”
Dan qalitu l-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono meta ndirizzat il-parteċipanti li attendew għall-workshop dwar il-Proġett Sicily-Malta BIOgeographical Transboundary Insular Connectivity (SIMBIOTIC). Dan il-proġett, li huwa mmexxi mill-Università ta’ Malta, jinkludi l-parteċipazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex, l-Università ta’ Catania u l-Comune di Pachino li jinsab fix-xlokk ta’ Sqallija, u qed jiġi parzjalment finanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea taħt il-Programm ta’ Kooperazzjoni bejn il-Fruntieri bejn l-Italja u Malta 2007 – 2013.
L-għan prinċipali tas-seminar kien li l-parteċipanti jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom dwar il-ħidma li saret sa issa fir-rigward tal-objettiv ewlieni ta’ dan il-proġett, li huwa dak li jtejjeb ir-rabta ekoloġika bejn ix-Xlokk ta’ Sqallija u Għawdex. Dan permezz ta’ restawr u riabilitazzjoni tal-abitat naturali fil-gżira ta’ Għawdex kif ukoll permezz ta’ tisħiħ u mmaniġġjar tal-artijiet protetti fix-xlokk ta’ Sqallija. F’Għawdex ġew identifikati siti li fuqhom qed isir xogħol ta’ restawr ekoloġiku biex dawn is-siti jerġgħu jiksbu l-karatteristiċi ambjentali u ekoloġiċi naturali. Minbarra li ser ireġġa’ lura lil dawn is-siti għas-sbuħija naturali, il-taħwil ta’ madwar 1000 siġra u arbuxelli endemiċi huwa wkoll maħsub li jistimula n-natura fi proċess li jsaħħaħ ukoll il-biodiversotà f’dawn l-inħawi. B’hekk jistgħu jintużaw ukoll għal skopijiet ta’ riċerka u studji oħra kif meħtieġ.
Is-siti li għaddejjin mill-proċess ta’ restawr ekoloġiku permezz tal-proġett SIMBIOTIC f’Għawdex jinkludu masġar f’Ta’ Lambert fil-limiti tax-Xewkija, l-inħawi magħrufa bħala it-Taksis fil-limiti tal-Qala, kif ukoll żewġ mheded art fil-farm tal-Gvern bħal parti li permezz tiegħu dan is-sit qed jiġi kkonvertit f’Ċentru ta’ Riċerka fis-Xjenzi Rurali u l-Ambjent. Tħawwlu wkoll diversi siġar u arbuxelli fuq l-għolja ta’ Għammar li ħadu post numru ta’ siġar tal-akaċja li kienu tħawwlu xi snin ilu.
Il-Ministru Debono fissret kif l-objettivi tal-proġett SIMBIOTIC jaqblu mal-ħidma tal-Gvern fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-viżjoni ekoGħawdex. Hija spjegat ukoll kif il-Ministeru għal Għawdex qiegħed ifassal it-tieni pjan ta’ azzjoni għas-snin 2013-2015 fil-kuntest ta’ din il-viżjoni, hekk kif il-ħidma marbuta mal-ewwel pjan ta’ azzjoni għas-snin 2010-2012 riesqa lejn il-fażi ta’ konklużjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en