STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-INTERN
Ikun żball jekk jitwaqqaf l-investiment u tiġdid fil-Korp tal-Pulizija
Il-Ministeru tal-Intern jirreferi għall-istqarrija tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni, l-Onor. Michael Falzon, rigward il-mili ta’ postijiet vakanti fil-Korp tal-Pulizija.
Wieħed irid jinnota li saret prattika konsweta għall-Oppożizzjoni li tikkritika lill-Gvern isir xi jsir fir-reklutaġġ tal-Korp. Dan tagħmlu kemm meta jkun hemm postijiet li ma jkunx għadu beda l-proċess biex jimtlew, kif ukoll meta, bħal f’dan il-każ, ikunu ħarġu is-sejħiet biex il-postijiet vakanti jimtlew.
Is-sejħiet li ħarġu f’dawn il-jiem għal applikazzjonijiet fil-gradi ta’ spettur, supretendent u assistent kummissarju huma ntiżi biex jimtlew postijiet li sfaw vakanti wara li rtiraw numru ta’ fizzjali f’dawn l-aħħar snin. Dan huwa proċess li jseħħ b’mod regolari fil-gradi imsemmija. Fil-fatt sa’ mill-bidu tal-leġislatura ingħataw il-ħatra 58 spettur, 13 -il supretendent u sitt assistenti kummissarju.
Għar-rigward tal-argument tal-Oppożizzjoni li qed torbot il-bżonn li persuna tkun ta’ ċertu tul biex tkun eleġibbli biex tapplika għall-grad ta’ spettur ma’ motivazzjonijiet politiċi, huwa diffiċli li wieħed jifhem kif it-tul tal-ġuvintur u tfajliet Maltin jista jiddependi mill-kulur politiku li jħaddnu.
Fid-dawl ta’ dan kollu, wieħed faċilment jasal għall-konklużjoni li l-Oppożizzjoni qed tieħu din il-pożizzjoni kontra dan ir-reklutaġġ għax hija kontra li jitkompla dan il-proċess normali u trasparenti ta’ tiġdid u tisħiħ fir-riżorsi umani tal-Korp.
Kull pajjiż demokratiku jeħtieġ forzi tal-ordni b’saħħithom biex jiġġieled il-kriminalità b’mod effettiv. Matul din il-leġislatura il-Gvern investa b’mod qawwi fit-tisħiħ tal-Korp tal-Pulizija, fit-taħriġ tal-membri tiegħu, fix-xiri ta’ apparat forensiku modern, vetturi ġodda u partikolarment fi programm ta’ reklutaġġ serju u fit-tul. Is-soċjetà Maltija tkun qiegħeda titpoġġa f’periklu ċar li kellha tinbidel din il-linja ta’ investiment u tisħiħ fil-Korp.
Hija ħassra li l-Oppożizzjoni Laburista tibqa’ tagħmel minn kollox biex tippolitiċizza lill-Korp tal-Pulizija.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en