Left arrow Mur Lura

MUŻIKA TAL-PROFESSUR CHARLES CAMILLERI MGĦODDIJA LILL-ARKIVJI NAZZJONALI

pr2628
Date Icon 30/11/2012

Waqt kunċert b’mużika tal-Prof. Charles Camilleri li sar fil-kappella tal-ex-sptar Santu Spirtu li llum jilqa’ fih l-Arkivji Nazzjonali, l-armla u ulied il-kompożitur famuż Malti, għaddew il-mużika tiegħu lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina, biex tinżamm, titħares u tkun aċċessibbli għall-pubbliku, fl-Arkivji Nazzjonali.

F’diskors li għamlet f’din l-okkażjoni, il-Ministru Cristina qalet li kulħadd jaqbel li l-Professur Charles Camilleri kien wieħed mill-akbar kompożituri ta’ żmienna, li kien kapaċi jagħmel użu estentiv ta’ kunċetti oriġinali li kien jaf jgħaqqad l-element primittiv tal-għana folkloristika Maltija ma’ elementi avangardisti.

Ir-reputazzjoni tiegħu kienet waħda magħrufa fuq livell internazzjonali. Ikkompona madwar 300 biċċa xogħol, b’aktar minn nofshom ġew ippubblikati u ’l fuq minn 50 minnhom ġew irrekordjati wkoll fuq CDs.

Wieħed jista’ jikkunsidra x-xogħlijiet tiegħu bħala parti mill-wirt mużikali Malti. “Għalina kien unur meta l-familja tiegħu għażlet li b’ġenerożità kbira tiddepożita, u allura wkoll tippreserva, x-xogħljiet tiegħu fl-arkivji nazzjonali. Però inħoss li aktar milli jippreservaw, inkunu aktar korretti jekk ngħidu li b’dan il-ġest qed jiffaċilitaw l-aċċess għall-mużika tal-Charles Camilleri lil ħafna studenti u mużiċisti, sew Maltin kif ukoll barranin, li kif nafu, għandhom interess kbir fil-mużika ta’ dan il-kompożitur Malti ta’ fama internazzjonali”, qalet il-Minisru.

F’isem il-Gvern u l-poplu Malti, il-Ministru esprimiet il-gratitudni tagħha lejn il-familja Camilleri, b’mod speċjali lejn Doris, il-mara tiegħu, li qed ikomplu jwettqu, dik li probabbli kienet il-ħolma ta’ dan il-kompożitur hekk importanti fl-istorja riċenti tal-mużika Maltija.

L-identità nazzjonali li hija minsuġa fil-mużika ta’ Charles Camilleri u dawn ix-xogħlijiet li ħalla, huma parti mill-patrimonju Malti, u għalhekk huwa unur għalina li dan issa jista jsir aċċessibbli għall-ġenerazzjonijiet li telgħin.

Is-sinjifikat li kollezzjoni bħal din tkun depożitata f’Arkivju Nazzjonali ġejja mill-fatt li fil-passat kien hemm impressjoni li arkivju jieħu ħsieb biss dokumenti pubbliċi u ma jidħolx f’oqsma bħal dawk ta’ mużika u ħoss.  Il-fatt li l-Arkivju Nazzjonali qed jiret xogħol ta’ ismijiet kbar li tul ħajjithom iddistingwew ruħhom juri li din l-istituzzjoni qed tikseb ir-rispett li jistħoqqilha.

Barra minn hekk hu importanti, biex bħala pajjiż nagħmlu qabża ta’ kwalità, li kollezzjonijiet bħal dawn ikun mħarsa f’post fejn hemm il-garanziji meħtieġa.  Il-garanziji jridu jiġu minn leġislazzjoni li tissalvagwardja li l-inizjattiva tkun permanenti;  minn post li jħaddan ir-riżorsi meħtieġa ta’ nies esperti – u f’dan il-każ kien hemm bżonn mhux biss mużiċisti iżda arkivista bi jispeċjalizza fil-mużika; kif ukoll ir-rispett tas-soċjetà in ġeneral lejn dik l-istituzzjoni biex wieħed ikollu s-serħan tal-moħħ.

Din mhux l-ewwel inizjattiva fil-qasam tal-arkivji awdjo-viżivi li qed jieħu l-Arkivju Nazzjonali. Il-liġi tagħna tobbliga lill-Arkivju Nazzjonali li jippreserva dokumentazzajoni ta’ portata nazzjonali, hu x’hinu l-medium li fuqhom ikunu miġbura.  F’dan il-kuntest wieħed jifhem l-inizjattiva mill-aktar utli ta’ Malta’s Lost Voices li ppreservat mużika Maltija tal-bidu tas-snin tletin. 

L-istess Arkivji Nazzjonali jikkollaboraw wkoll mal-PBS u d-Dipartiment tal-Informazzjoni għaż-żamma b’mod aktar professjonali tal-arkiviji awdjo viżivi tagħhom. 

Inizjattiva oħra li twettqet b’suċċess fl-Arkivju Nazzjonali kienet id-donazzjoni tal-kollezzjoni tat-tenur Paul Asciak,  Malti ieħor li ddistingwa ruħu.  Hu ried li d-dokumentazzjoni kollha, posters, ritratti u memorabilja jkunu fl-Arkivju Nazzjonali mhux biss għax dan joffri ħarsien professjonali, imma wkoll għaliex fi ħdan in-National Memory Project, materjal bħal dan ikun studjat. Ninsab infurmata li f’dawn il-ġimgħat stess qed isir proġett minn studenti tal-MCAST, fuq dan il-materjal tat-tenur Asciak li jinsab fl-Arkivju.  

Din kienet sena oħra impenjattiva ħafna għall-Arkivji Nazzjonali.  Matul din is-sena saru proġetti oħra fosthom l-iżvilupp ta’ żewġ repożitorji ġodda - wieħed fl-Għarb Għawdex u ieħor fl-iskola tal-bniet tar-Rabat, biex tkabbret il-kapaċità ta’ ħażna ta’ records.  Dan għamilha possibli biex ġew depositati kollezzjonijiet oħra ta’ dokumenti bħalma huma r-rent-rolls mid-Dipartiment tal-Artijiet, dawk tal-Estethics Board tal-MEPA u d-dokumenti ta’ valur  arkivistiku mill-Air Malta. 

Dan ma kienx ikun possibli  kieku fl-aħħar snin ma żdiedux il-ħaddiema tal-Arkivju biex illum kważi hemm il-full complement.  Illum għandna aktar ħaddiema, u livell ogħla ta’ ħaddiema bi kwalifiki fl-arkivistika, fil-konservazzjoni u materji relatati. Propju din il-ġimgħa kien iffirmat ukoll Ftehim Kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-entità tal-Arkivji Nazzjonali li ser ikompli jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ dawn il-professjonisti.

Fi tmiem id-diskors tagħha l-Ministru Cristina  irringrazzjat lis-Sinjura Doris Camilleri u l-familja tagħha; lil Dr Jeannine Rizzo li assistiet lill-familja Camilleri fit-tfassil tal-kuntratt tad-donazzjoni; lil Mro. Alan Chircop u grupp ieħor żgħir ta’ nies li għenu fin-negozjati li kienu meħtieġa biex wasslu għal dan il-ftehim;  lill-Arkivista Nazzjonali Charles Farrugia u lit-team dedikat tiegħu u wkoll lill-mużiċisti li ħadu sehem fil-programm interessanti u pjaċevoli tas-serata.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow