IL-MINISTRU GEORGE PULLICINO F’LAQGĦA MAL-KUMMISSARJU TAL-UNJONI EWROPEA TONIO BORG
Illum il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino, li kien preżenti għal Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-Ministri għall-Agrikoltura u Sajd fi Brussell kellu wkoll laqgħa ta’ kortesija mal-Kummissarju Ewropew responsabbli mis-saħħa u l-affarijiet tal-konsumatur, Tonio Borg. Din il-laqgħa saret proprju wara li l-istess kunsill approva l-ħatra ta’ Tonio Borg bħala Kummissarju ġdid.
Waqt din il-laqgħa il-Ministru Pullicino filwaqt li feraħ lill-Kummissarju l-ġdid, tkellem dwar l-impenn tal-Gvern Malti biex ikompli jsaħħaħ sistemi li permezz tagħhom tkun garantita l-kwalità tal-ikel matul il-katina kollha tal-ikel. Waqt il-laqgħa, ż-żewġ partijiet qablu illi jkomplu mexjin fuq il-linji maqbula u addottati mill-Kummissjoni sa llum, biex b’mod konsistenti jiddaħħlu aktar salvagwardji b’risq is-saħħa tal-konsumatur. Fost dawn il-miżuri hemm regolamenti ġodda li deħlin fil-bidu tas-sena 2013 fuq it-trobbija tal-majjal li jinkludi metodi ġodda b’risq il-ħarsien tal-annimali.
Intant illum ukoll fi Brussell, il-Ministru Pullicino kien impenjat fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri Ewropej responsabbli mill-agrikoltura u s-sajd fejn idduskutew fost oħrajn ir-rifroma tal-Politika Agrikola Komuni, f’mument hekk importanti fejn din il-politika qed tkun aġġornata għas-snin 2014 – 2020.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en