Left arrow Mur Lura

IL-GVERN JKOMPLI JINVESTI FIS-SETTUR EDUKATTIV U FIT-TAĦRIĠ TAL-GĦALLIEMA

pr2605
Date Icon 26/11/2012

-  Żdiedu l-allowances tal-għalliema u sar investiment fl-iżvilupp u t-taħriġ tagħhom
-  In-nefqa tal-Gvern fl-edukazzjoni hija ogħla mill-medja Ewropea
-  Malta għandha l-ogħla persentaġġ ta’ studenti li jitkellmu t-tieni lingwa
-  Malta għandha t-tieni l-aħjar rata fl-Unjoni Ewropea tal-gradwati li jsibu impjieg

F’Malta qed inkomplu ntejbu l-kundizzjonijiet tal-għalliema billi nsaħħu l-opportunitajiet ta’ taħriġ u l-ambjent li fih qed jaħdmu. Hekk saħaq l-Onor. Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport meta dalgħodu indirizza laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Edukazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Matul din il-laqgħa kien diskuss ukoll ir-rwol tal-edukazzjoni, bħala għodda biex tgħin l-UE toħroġ mill-kriżi internazzjonali u tilħaq l-objettivi għall-2020. F’dan il-kuntest kien diskuss ukoll il-mod kif tista’ tkompli titjieb il-kwalità tal-għalliema. Il-Ministri Ewropej qablu li l-investiment fl-għalliema għandu jimxi id f’id ma’ investiment ieħor importanti fis-settur tal-edukazzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari qal li  minkejja l-kriżi ekonomika u finanzjarja, pajjiżna baqa’ jinvesti fl-edukazzjoni u fl-għalliema. Huwa fakkar kif l-għalliema Maltin qed jitħallsu allowances ogħla wara ftehim mal-MUT. Huwa spjega wkoll li d-daqs tal-klassijiet u teaching loads ma żdiedux u r-rata ta’ supply teachers hija biss ta’ madwar 3%.

Puli tenna li t-taħriġ u l-żvilupp professjonali tal-għalliema flimkien ma’ tisħiħ, ta’ riżorsi ta’ tagħlim u ambjent skolastiku aħjar għandhom jgħinu biex ikun hemm ritenzzjoni akbar ta’ għalliema fis-sistema edukattiva. 

Matul din il-laqgħa il-Ministri tal-Edukazzjoni Ewropej iddiskutew il-bżonnijiet ta’ riformi soċjali u ekonomiċi fosthom dawk edukattivi li qed tgħaddi minnhom l-Ewropa hi u toħroġ mill-kriżi ekonomika u finanzjarja. Fost it-temi diskussi matul il-laqgħa ta’ dalgħodu l-Presidenza provdiet informazjoni dwar in-negozjati li għaddejjin fil-Parlament Ewropew dwar il-proposta li mistennija toħoloq il-programm ‘Erasmus for All’. ‘Erasmus for All’ se jkun qed jindirizza diversi oqsma fosthom l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. Dan il-programm se jkun qed jiffoka fuq il-mobbiltà fit-taħrġ tal-istudenti, żgħażagħ u għalliema; il-koperazzjoni għall-innovazzjoni u prattiċi tajba bejn istituzzjonijiet edukattivi u sapport għal riforma fil-politika tal-edukazzjoni. Waqt din il-laqgħa kienu diskussi wkoll il-Konkluzjonijiet tal-Kunsill dwar il-litteriżmu li jsejħu għal pjan li jindirizza dan il-qasam billi jtejjeb il-livelli ta’ litteriżmu fl-Istati Membri. Waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri ġiet diskussa ukoll il-Proposta għal Rakkomandazzjoni dwar il-Validazzjoni ta’ taħriġ mhux formali u informali fejn Malta hija waħda mill-ftit Stati Membri li diġà biet taħdem fuq strateġija f’dan ir-rigward.

Is-Segretarju Parlamentari żied li jeħtieġ li l-mudell ta’ in-service training jinbidel minn wieħed immexxi minn min iħaddem għal wieħed immexxi mill-ħaddiema infushom fejn l-għalliema professjonali jieħdu aktar responsabbiltà tal-iżvilupp professjonali tagħhom.

Fit-tmiem il-laqgħa l-Kummissjoni ipprezentat ukoll il-Komunikazzjoni li ġiet adottata riċentement dwar ’Rethinking Education: Investing in skills for better socio-economic outcomes’. Permezz ta’ din il-Komunikazzjoni il-Kummissjoni qed tniedi strateġija ġdida sabiex l-Istati Membri jieħdu azzjoni immedjata sabiex jiżguraw li ż-żgħażagħ jizviluppaw ħiliet u kompetenzi li huma neċessarji fis-suq tax-xogħol.  Ta’ min jinnota li din il-Komunikazzjoni tinkorpora rapporti dettaljati (kif ukoll l-Education Monitor) dwar kull Stat Membru. B’mod importanti r-rapporti ifaħħru il-progress li għamlet Malta fil-qasam tal-edukazzjoni u juri li f’ħafna oqsma edukattivi Malta qiegħda f’pożizzjoni aħjar mill-medja tal-Unjoni Ewropea.

Fost l-oħrajn ir-rapport juri li: In-nefqa ta’ Malta fl-edukazzjoni hija ogħla mill-medja Ewropea; ir-rikonoxximent tal-progress ta’ Malta fit-tnaqqis tar-rata tal-Early School Leavers fis-snin li għaddew; Malta għandha l-ogħla percentaġġ ta’ studenti li jitkellmu t-tieni lingwa; Malta għandha t-tieni l-aħjar rata fl-Unjoni Ewropea tal-gradwati li jsibu impjieg.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow