Left arrow Go Back

STQARRIJA MINISTERJALI MILL-PRIM MINISTRU DR LAWRENCE GONZI DWAR IL-LAQGĦA SPEĊJALI TAL-KUNSILL EWROPEW TAL-ĦAMIS U L-ĠIMGĦA 22 U 23 TA’ NOVEMBRU 2012

pr2604
Date Icon 26/11/2012

Mr Speaker,

Illejla nixtieq nirrapporta lill-Kamra dwar il-laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew li ħadt sehem fiha nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa tal-ġimgħa li għaddiet.  Din il-laqgħa kienet dedikata esklussivament sabiex bħala Kunsill Ewropew nippruvaw nilħqu ftehim dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali (Multiannual Financial Framework) għall-Unjoni Ewropea bejn l-2014 u l-2020. Bħala parti mill-preparazzjonijiet għal-laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew jiena kelli laqgħa bilaterali mal-President tal-Kunsill Herman Van Rompuy li kien akkumpanjat mill-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso. 

Il-Qafas Finanazjarju Multiannwali huwa parti minn proċess li ilu jintuża għal aktar minn għoxrin sena u huwa maħsub biex jistabbilixxi l-limiti tal-Budgets tal-Unjoni Ewropea għal 7 snin, il-programmi ta' nfiq li fuqhom għandhom jintefqu l-flus tul dan il-perjodu kif ukoll kif tiġi ffinanzjata n-nefqa.

F’Ġunju tas-sena l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-komunikazzjoni ‘A Budget for Europe 2020 (COM(2011)500)’ għar-rigward il-qafas finanzjarju li jmiss.  Flimkien ma’ dan, inħarġu sett ta’ proposti leġislattivi dwar il-Qafas 2014-2020 u għas-sistema tad-dħul (l-Own Resources System).  F’Lulju li għadda, il-Kummissjoni ressqet emendi li jikkunsidraw is-sħubija tal-Kroazja (Lulju 2013) kif ukoll l-aħħar data makro-ekonomika.

Il-Qafas Finanazjarju Multiannwali 2014-2020 huwa mfassal taħt dawn is-sitt kapi:
1. a. Kompetittività għat-tkabbir u l-Impjiegi (Programmi tal-edukazzjoni, riċerka u 
   SMEs;  Connecting Europe Facility); 
 b. Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali (Fondi Strutturali u Fondi ta’ Koeżjoni).
2. Tkabbir Sostenibbli:  Riżorsi Naturali (ħlasijiet diretti għall-agrikoltura, Fond għall-Iżvilupp Rurali, Fond għall-Qasam Marittimu u Sajd u l-programm tal-Unjoni Ewropea għall-ambjent u l-klima).
3. Sigurtà u Ċittadinanza (fondi għall-ażil, migrazzjoni, fruntieri esterni u sigurtà interna).
4. Ewropa globali (Strumenti ta’ finanzjament b’risq pajjiżi terzi).
5. Amministrazzjoni (Spiża tal-amministrazzjoni tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea).
6.  Kumpens (Kap ġdid biex jaħseb għas-sħubija tal-Kroazja).

Matul dawn l-aħħar sena u nofs Malta, flimkien mal-Pajjiżi Membri l-oħra u l-Kummissjoni Ewropea, konna involuti f’diskussjonijiet  dwar il-pożizzjonijiet, il-veduti u l-aspettattivi. Dawn id-diskussjonijiet u skambji kienu kemm fuq il-livell tekniku f’laqgħat ta’ diversi working groups tal-Kunsill kif ukoll dak politiku fil-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (COREPER), f’laqgħat tar-rappreżentanti personali tal-Kapijiet tal-Gvern, kif ukoll fil-General Affairs Council.  Wara li bejn Lulju 2011 u Frar ta’ din is-sena saru l-kjarifiċi meħtieġa fuq l-oqsma kollha, inbeda x-xogħol fuq dik li tissejjaħ Negotiating Box.  In-Negotiating Box huwa dokument li jiddeskrivi l-kwistjonijiet u l-għażliet ewlenin tal-pakkett ta' negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jiġi żviluppat mill-Presidenza sabiex in-negozjati jsiru b’mod ifffukat. Dan id-dokument jibqa’ jiġi aġġornat hekk kif jimxu n-negozjati 'l quddiem, u jifforma bażi għall-qbil unanimu tal-Kunsill Ewropew.  Il-prinċipju kardinali huwa li m’hemmx qbil sakemm ikun hemm qbil fuq kollox.  Fil-fatt, il-Presidenza Ċiprijotta kompliet taħdem fuq in-Negotiating Box sakemm fid-29 ta’ Ottubru hija għaddietha lill-President tal-Kunsill Herman Van Rompuy bil-għan li jintlaħaq qbil fil-Kunsill Ewropew dwar l-elementi ewlenin ta' politika tal-pakkett Qafas Finanzjarju Multiannwali. Matul il-laqgħat li kellna mill-bidu nett aħna għamilniha ċara li l-proposta li Malta tirċievi total ta’ erba’ mija u disgħa u tmenin miljun ewro (€489 miljun) f’fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewopea ma kinetx aċċettabbli għall-Gvern Malti.

Skont il-proposta li kien hemm fuq il-mejda, Malta kienet ser tkun l-unika pajjiż fl-Unjoni Ewropea li jkun ibbenefika minn perjodu wieħed biss bħala ‘Least Developed status’ (oriġinarjament ‘Objective 1 status’). Barra minn hekk, sħaqna li l-fatt li pajjiżna huwa gżira b’reġjun wieħed, ipoġġi fuqna limitazzjonijiet partikulari. Fil-fatt irreferejna għall-artikolu 174 tat-Trattat ta’ Lisbona (Diċembru 2009) li daħal wara ħidma ta’ Malta u li jagħmel referenza speċifika għall-bżonnijiet ta’ Stati Gżejjer.

L-argument li Malta għamlet progress ekonomiku sostanzjali minn mindu issieħbet fl-Unjoni Ewropea jagħmel ġieħ lil pajjiżna iżda ma għandux jintuża biex f’daqqa waħda u mingħajr perjodu adegwat ta’ transizzjoni pajjiżna jitlef ammonti sostanzjali ta’ finanzjament b’mod li l-impatt ekonomiku jista’ jkun negattiv iżżejjed.

Il-President Van Rompuy fehem dan u waqt il-laqgħa bilaterali li semmejt qabel ippropona top-up ta’ €200 miljun fil-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni ta’ Malta. Minn dawn, €122 miljun huma maħsuba biex jagħmlu tajjeb għall-argument tagħna li għandna ningħataw fondi biex jgħinu lil pajjiżna f’dan il-perjodu ta’ transizzjoni li qiegħed joħroġna mill-Objective 1 Status. It-€78 miljun l-oħra huma maħsuba biex jindirizzaw il-bżonnijiet tagħna bħala gżira stat.

Mr Speaker, 

Il-Gvern iqis it-top-up ta €200 miljun bħala pass pożittiv ħafna imma xorta waħda jidhrilna li hemm bżonn ta’ aktar titjib fil-pakkett li ser japplika għal Malta.

Il-Kunsill Ewropew aġġorna l-Ġimgħa mingħajr ma ntlaħaq ftehim finali bejn is-27 pajjiż membru. Madanakollu wieħed irid jirreġistra l-fatt li kien hemm progress fuq numru ta’ oqsma u dan għandu jservi biex eventwalment jintlaħaq il-ftehim finali. Proprju minħabba dan il-progress, qbilna li ninkarigaw lill-President Van Rompuy biex fil-ġimgħat li ġejjin ikompli bil-ħidma tiegħu bl-iskop li jidentifika l-parametri ta’ ftehim finali. Qbilna, għalhekk li fil-bidu taas-sena d-dieħla hu għandu jsejjaħ Kunsill Ewropew ieħor biex inkomplu t-taħdidiet.


Mr Speaker,

Kif għidt, biex wasalna hawn, ilu għaddej xogħol għal sena u nofs.  Hawnhekk irrid nirringrazzja lis-Sur Richard Cachia Caruana li serva bħala Rappreżentant Permanenti matul il-parti l-kbira ta’ dan ix-xogħol u li bħalissa qed jassistini bħala konsulent speċjali f’din il-materja tant delikata għal pajjiżna.  Nirringrazzja wkoll lill-uffiċjali tal-Ministeru tal-Finanzi mmexxija mis-Segretarju Permanenti Alfred Camilleri.  Nirringrazzja wkoll lir-Rappreżentant Permanenti Marlene Bonnici u l-istaff tagħha.  Niżgura lill-Kamra li dawn kollha qed jagħmlu xogħol bi professjonalità u dedikazzjoni kbira.

Nawgura li nkomplu naħdmu flimkien sabiex dan l-istrument jiġi konkluż bla dewmien għall-ġid ta’ pajjiżna u l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.  Kif għidna fid-Dikjarazzjoni li għadni kemm qiegħedt fuq il-Mejda tal-Kamra, “il-Baġit Ewropew huwa importanti għall-koeżjoni tal-Unjoni u għall-impjiegi u t-tkabbir fil-pajjiżi kollha tagħna.”

Mr Speaker,

Nixtieq ukoll ninforma l-Kamra li fil-bidu tas-sessjoni tal-Kunsill Ewropew nhar il-Hamis 22 ta’ Novembru, il-Kunsill Ewropew adotta deċiżjoni sabiex Yves Mersch ikun appuntat fuq il-Bord Eżekuttiv tal-Bank Centrali Ewropew għal tmien snin mill-15 ta’ Diċembru 2012. Għaldaqstant qed inqiegħed kopja ta’ din id-deċiżjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.


pr2604a.pdfpr2604a.pdfpr2604b.pdfpr2604b.pdf

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow