GĦOTI TA’ PREMIJIET LIR-REBBIEĦA TAL-KAMPANJA ‘IĠBOR U IRBAĦ BIL-FLIEXKEN TAL-PLASTIK’
Ir-riġali tal-ewwel tlugħ tal-kampanja ‘Iġbor u Irbaħ’ tal-WasteServ ġew ippreżentati llum mill- Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino, waqt l-Open Day imtella’ mill-WasteServ, fl-Impjant tar-Riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin.
Matul din il-kampanja, il-pubbliku jista’ jarmi l-fliexken tax-xorb tal-plastik f’wieħed miċ-Ċentri Għall-Iskart Goff tal-WasteServ biex jidħol fiċ-ċans li jirbaħ wieħed mill-premijiet. Għal kull għaxar fliexken iddepożitati l-persuna tingħata biljett tal-lotterija, u din titla’ kull tliet xhur.
Ir-rebbieħa tal-ewwel tlugħ kienu, Mary Scerri mir-Rabat Malta, Gemma Miceli minn Birkirkara, Justin Said mill-Mosta u Carmel Gatt mix-Xewkija Għawdex. It-tlugħ tal-biljetti sar fil-preżenza ta’ nutar. Il-premijiet tal-ewwel tlugħ kienu jinkludu, 2 vouchers ta’ € 500-il wieħed sponsorjat mill-Homemate, u 2 vouchers ta’ € 50-il wieħed sponsorjat minn The Point. Il-premijiet għat-tlugħ li jmiss ser jinkludu premju addizjonali ta’ weekend break u ikla għal tnejn il-Hilton.
Madwar 10,000 biljett daħlu fiċ-ċans għall-ewwel tlugħ ta’ din il-lotterija. Dan jirriżulta li nġabru mal-100,000 flixkun tal-plastik, dan ifisser li madwar 7,700 flixkun fil-ġimgħa saru riżorsa minflok intremew fil-landfill.
Għal aktar informazzjoni fuq il-kampanja ‘Iġbor u Irbaħ’ żur www.wasteservmalta.com jew ikkuntattja lil WasteServ fuq Freephone 8007 2200, info.ws@wasteservmalta.com jew www.facebook.com/WasteServ.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en