Left arrow Mur Lura

FIL-QRIB SE JINFETAĦ ĊENTRU AĊĊESS F’GĦAWDEX

pr2589
Date Icon 25/11/2012

Fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jiftaħ il-ħames Ċentru AĊĊESS, l-ewwel wieħed f’Għawdex, bil-għan li jqarreb dejjem iktar servizzi ta’ professjonisti lejn il-komunità sabiex tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Iċ-ċentru f’Għawdex se jkun f’Għajnsielem fil-bini li sa ftit snin ilu kien jintuża bħala Adult Training Centre. Il-Gvern laħaq ftehim mal-awtoritajiet tal-Knisja f’Għawdex, li hija l-propjetarju tal-binja f’Għajnsielem li fl-aħħar snin ma kinitx qed tintuża, biex dan il-bini jibda jiffunzjona bħala servizz soċjali ieħor għal Għawdex.

Dan ħabbru l-Ministru tal-Ġustizzja, il-Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja l-Onor. Chris Said waqt attivitajiet li saru fiċ-Ċentru AĊĊESS fil-Birgu li din is-sena qiegħed jagħlaq għaxar snin mit-twaqqif tiegħu. Dan kien l-ewwel ċentru tax-xorta tiegħu li waqqaf il-Gvern bil-għan li jagħti spinta lis-servizzi soċjali fil-livell ta’ komunità.

Dan iċ-ċentru joffri diversi servizzi lill-komunità tal-Kottonera u tal-Kalkara, fosthom dak tal-Uffiċċju Distrettwali tas-Sigurtà Soċjali fejn il-pubbliku jista’ jinqeda biex japplika għall-benefiċċju tal-maternità, il-Karta r-Roża għall-mediċini b’xejn, allowance tat-tfal, sussidju fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u skemi dwar il-pensjoni. Fl-2011 minn dan iċ-ċentru biss inqdew madwar 8,000 klijent.

Dan minbarra eluf ta’ persuni oħra li għamlu użu minn dan iċ-ċentru għal servizzi oħra li jiġu offruti minn hawnhekk fosthom uffiċċju tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, ċentru ta’ matul il-jum ta’ Aġenzija Sapport għal persuni b’diżabilità, servizz ta’ social workers, servizzi mill-Awtorità tad-Djar, Smart Kids immexxi mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, u Aġenzija Żgħażagħ. Dan minbarra li membri tal-komunità jistgħu jużaw sala, computers u Internet minn dan iċ-ċentru filwaqt li jgawdu wkoll minn servizz ta’ Customer Care u numru ta’ korsijiet li jiġu organizzati matul is-sena.

Il-Ministru Chris Said faħħar l-impenn tal-ħaddiema kollha ta’ Ċentru AĊĊESS li qed jirnexxilhom ikunu ta’ għajnuna apprezzata ferm mill-membri tal-komunità li fiha jaħdmu filwaqt li rrimarka li fl-għoti ta’ servizzi hekk il-familja qed tkun iċ-ċentru tal-ħidma ta’ dawk kollha kkonċernati.

Sabiex jitfakkar l-għaxar anniversarju mill-ftuħ ta’ Ċentru AĊĊESS saru numru t’ attivitajiet bejn it-Tnejn 19 ta’ Novembru u llum il-Ħadd 25 ta’ Novembru. Dawn kienu jinkludu attivitajiet rikreattivi għaż-żgħażagħ fosthom Treasure hunt, diskussjonijiet maż-żgħażagħ dwar suġġetti li jolqtu s-saħħa u l-ħajja f’sens wiesgħa, attivitajiet għall-ġenituri, konferenza stampa mit-tfal indirizzata lill-politiċi u anke logħba futbol bejn rappreżentanti tal-entitajiet li joffru s-servizzi tagħhom minn dan il-bini. Illum il-Ħadd dawk li marru f’Ċentru AĊĊESS setgħu jżuru stands, bar imwaqqaf miż-żgħażagħ li ħadu sehem fil-programm Colours of Life, filwaqt li tħawlu siġar mogħtija b’donazzjoni mill-konsorzju ELC.

Minbarra Ċentru AĊĊESS għall-Kottonera u l-Kalkara, it-tliet ċentri l-oħra fil-komunità jinsabu l-Belt Valletta, il-Qawra u l-Imsida, b’dan tal-aħħar infetaħ f’Ottubru li għadda.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow