JIGI INAWGURAT L-EWWEL LABORATORJU TAL-KOMPJUTERS GHALL-PERSUNI NEQSIN MID-DAWL F'MALTA
Ġie inawgurat l-ewwel laboratorju tal-kompjuters għall-persuni neqsin mid-dawl f’pajjiżna u li se jkun jista’ jintuża minn persuni neqsin mid-dawl mingħajr ħlas.
Il-laboratorju jinsab fiċ-ċentru ġdid li akkwistat, immodernizzat u issa fetħet is-Soċjetà Torball għall-persuni neqsin mid-dawl u jinsab fil-Floriana. Iċ-ċentru ġie inawgurat mill-Onor. Chris Said, Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, il-Ġimgħa filgħaxija.
Il-Gvern ta għajnuna finanzjarja lil din l-għaqda biex timmodernizza ċ-ċentru li minnu se jingħataw servizzi b’xejn lill-membri tagħha. Is-Soċjetà Torball kienet applikat għal skema ta’ għajnuna finanzjarja mnedija mill-Gvern fl-2011 filwaqt li ngħatat ukoll fondi mill-Malta Community Chest Fund. Iċ-ċentru jinkludi wkoll apparat teknoloġiku bħal interactive whiteboards, kompjuters b’sistema installat fuqhom ta’ “Windows Eyes”, li huwa softwer li jintuża fl-Amerika għal bżonnijiet speċjali ta’ min huwa nieqes mid-dawl, flimkien ma’ apparat ieħor tal-informatika li jtejjeb l-esperjenza edukattiva tal-persuna b’diżabilità. Dan il-proġett ingħata l-isem ta’ “Computer
Lab to the blind from the blind”.
Il-Ministru Chris Said faħħar l-impenn ta’ din l-organizzazzjoni fil-ħidma tagħha favur persuni neqsin mid-dawl u qal li l-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru hu pass importanti fl-għoti ta’ servizzi ġodda lillpersuni b’diżabilità. Huwa rrefera wkoll għall-ħolqien ta’ Speech Engine bil-Malti li tnediet dan laħħar mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi u li saret b’investiment tal-Gvern Malti u fondi tal-UE.
Huwa qal li l-użu ta’ teknoloġija ta’ dan it-tip mhux biss tgħin lill-persuna b’diżablità mil-lat edukattiv imma fuq kollox ittejjeb il-possibilità ta’ xogħol għal min hu nieqes mid-dawl. Huwa semma’ kif il-Gvern fl-aħħar snin kompla jinvesti biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità b’mod partikolari fejn jidħol il-potenzjal tal-persuna u l-qasam tax-xogħol u rrefera għall-opportunitajiet ta’ taħriġ li qed jingħataw kemm miċ-ċentri ta’ riżorsi, miċ-ċentru Sonia Tanti f’Ħal Far kif ukoll permezz tal-ħidma tal-kooperattiva Me2 li qed tagħti esperjenzi diretti ta’ xogħol lill-persuni b’diżabilità fil-komunità; filwaqt li semma’ wkoll skemi li toffri l-Korporazzjoni għax-
Xogħol u t-Taħriġ (ETC) biex tinċentiva lis-settur privat jimpjega miegħu persuni b’diżabilità.
Il-Ministru Said kkonkluda billi qal li l-Gvern hu kommess li jkompli jimxi ’l quddiem anke f’dan is-settur u li jemmen f’ħidma konġunta bejn is-settur privat u l-Gvern biex tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-persuna b’diżabilità f’pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en