AKTAR INVESTIMENT U ĦOLQIEN TA’ IMPJIEGI FIS-SETTUR TAL-MANIFATTURA – 200 MILJUN EWRO F’TAX CREDITS GĦALL-INVESTIMENT FL-AĦĦAR ERBA’ SNIN JIĠĠENERAW 500 MILJUN EWRO F’INVESTIMENT
“Is-settur tal-manifattura qed ikompli jespandi u joħloq l-opportunitajiet tax-xogħol, bl-appoġġ tal-inċentivi mogħtija mill-Gvern flimkien mal-ħiliet tal-ħaddiem Malti li jibqgħu jservu ta’ raġunijiet fundamentali li jkattru l-investiment ta’ pajjiżna. Dan ikkonfermah ukoll stħarriġ indipendenti li sar mill-kumpanija Ernst and Young u li ġie preżentat ilbieraħ li sab li 86% tal-investituri barranin intervistati jqisu lil Malta bħala pajjiż li tajjeb biex tinvesti fih”.
Dan qalu l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, l-Onor. Tonio Fenech, fi tmiem żjara fil-fabbrika tal-Cardinal Health, kumpanija li timmanifatura apparat mediku, u li bdiet oriġinarjament fl-1995 bi 30 impjegat u li llum tħaddem ‘il fuq minn 110 ħaddiem, 10% aktar minn daż-żmien sena.
Il-Malta Enterprise approvat proġett ta’ espansjoni ta’ madwar miljun ewro li jfisser li din il-kumpanija investiet f’linja ta’ produzzjoni ġdida u li għelbet konkorrenza qalila biex tkun tista’ tagħmel dan. Din hija waħda minn 160 proġett, fosthom fabbriki, li bdew jew espandew l-operat tagħhom f‘din il-leġislatura u li qed ifissru investiment ta’ xejn inqas minn 350 miljun ewro u 3700 impjieg ġdid. B’referenza għar-rapport preżentat ilbieraħ dwar l-investiment f’Malta, il-Ministru Fenech qal li dan huwa sinjal ta’ fiduċja b’saħħtu fit-tmexxija ekonomika ta’ pajjiżna meta mhux biss il-maġġoranza tal-investituri jqisu lil pajjiżna bħala post ideali għall-investiment iżda li aktar minn nofshom qed jikkunsidraw li jkomplu jespandu f’Malta.
Huwa qal li dan qed isħeħħ għaliex pajjiżna għandu ekonomija u finanzi stabbli li jserrħu moħħ l-investitur, riżorsi umani mħarġa bl-aqwa mod flimkien mad-disponibbiltà ta’ inċentivi li jixprunaw l-investiment. Huwa semma’ kif permezz tat-tax credits għall-investiment, amministrati mill-Malta Enterprise, fl-aħħar erba’ snin, ġew approvati aktar minn €200 miljun f’tax credits li stimulaw investimenti ta’ aktar minn €500 Miljun.
L-Onor. Tonio Fenech temm jgħid li –aqwa “frott li dan qed iħalli jibqa’ l-ħolqien tax-xogħol. 20000 post tax-xogħol ġdid f’din il-leġislatura. Illum għandna l-ogħla numru ta’ nies jaħdmu li qatt kellna f’pajjiżna. Għandna waħda mill-anqas rati ta’ qgħad fil-pajjizi kollha tal-Unjoni Ewropea. Naturalment, mhux se niefqu hawn. Għaddejjin b’diversi proġetti li se jsaħħu l-qafas industrijali ta’ pajjiżna. Anke fil-Budget, li se jitnieda l-ġimgħa d-dieħla kif ukoll fl-Istrateġija Industrijali li tinsab fil-fażi ta’ aġġornament, se nkomplu nidentifikaw dawk l-inizjattivi li jsaħħu l-industrija ta’ pajjiżna, dejjem bl-għan li din tibqa’ sors importanti ta’ ħolqien ta’ ġid u postijiet tax-xogħol.”
Il-Ministru Fenech kien akkumpanjat mill-Assistant Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, l-Onor. Robert Arrigo.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en