SKEMA ĠDIDA GĦALL-ĦWIENET TAL-BELT VALLETTA LI SE TKOMPLI TGĦINHOM JISSAĦĦU, JOĦOLQU AKTAR KUMMERĊ U IMPJIEGI
F’konferenza stampa li saret kmieni dalgħodu, il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi, ta dettalji ta’ skema volontarja ġdida tal-kiri, li l-Gvern se jkun qed joffri lis-sidien tal-ħwienet tal-Belt Valletta li bħalissa qegħdin jikru l-ħwienet tagħhom minngħand il-Gvern b’kera ta’ 6 xhur, 6 xhur. Preżenti għal din il-konferenza stampa kien hemm is-Sur Reginald Fava u s-Sur Kevin Borg f’isem il-Kamra tal-Kummerċ, is-Sur Paul Abela f’isem il-GRTU, is-Sur Paul Fenech f’isem il-kommunita kummerċjali ta’ Triq ir-Republika u s-Sur Charles Camilleri f’isem il-kommunita kummerċjali ta’ Triq il-Merkanti.
Mill-500 ħanut li jinkrew mid-Dipartiment tal-Artijiet fil-Belt Valletta, madwar 470 ilhom snin kbar jinkrew b’kera ta’ 6 xhur 6 xhur. Huwa spjega li kull min ghandu kera ta 6 xhur 6 xhur, issa se jkun jista jkollu kirja ta’ 45 sena , maqsuma fuq tlett perjodi ta’ ħmistax-il sena il-wieħed.Spjega li l-iskema volontarja se tkun miftuħa għal perjodu a’ 12-il xahar li tibda mill- 1 ta’ Dicembru li ġej u tagħlaq fl-1 ta’ Dicembru tal- 2013. Il-kirja tinkludi l-kundizzjoni li l-kerrej li qed jikri l-post mingħand il-Gvern, ikun jista’ jwilli l-ħanut tiegħu lill-terzi persuni, benefiċċju ieħor li qed jingħata peress li sal-llum dan hu pprojbit u jagħti lok għal diversi kawzż fil-qorti. Il-ħanut għandu jinżamm f’kundizzjoni tajba. F’każ ta’ manutenzjoni u xi riparazzjonijiet li jinkludu xi strutturi, dawn għandhom isiru kollha minn min qed jikri l-ħanut.
Il-Ministru Azzopardi saħaq li din hija bidla radikali għall-aħjar għan-negozji tal-Belt. Tenna li l-Gvern sema u ta widen lil dawn in-negozji u permezz ta’ tali skema se jkun qed ikompli jgħinhom sabiex jissaħħu u jikbru aktar. Qal li din l-iskema se tfisser investiment sod fin-negozji tal-Belt u se tgħin sabiex jinħoloq aktar kummerċ u aktar impjiegi. Saħaq li l-Gvern qed jissalvagwardja l-interessi tan-negozji tal-Belt u qed joffrilhom ċ-ċertezza u s-sigurta li għandhom bżonn . Qal ukoll li permezz ta’ din il-kirja għal 45 sena, in-negozji se jkollhom aktar aċċess ħieles u faċli għal kreditu mill-banek, sabiex ikunu jistgħu jirranġaw u jirristrutturaw il-ħwienet tagħhom.
Ir-rappreżentanti tal-korpi kostitwiti kif ukoll tal-kommunitajiet kummerċjali kollha urew s-sodisfazzjon tagħhom u kellhom kliem ta’ tifħir għal din l-inizjattiva u rringrazzjaw lill-Gvern talli dejjem qed joffri l-aħjar għan-negozji tal-Belt.Qalu li din l-iskema se tkun qed tgħin lill-mijiet ta’ negozji sabiex ikomplu jinvestu fis-sod, jikbru u joħolqu l-impjiegi.
Il-Ministru Azzopardi tkellem dwar in-negozji ġodda li qegħdin dejjem jiżdiedu. Saħaq li fl-aħħar erba snin, in-numru ta’ negozji liċenzjati mid-Dipartiment tal-Lizenzji żdiedu sostanzjalment. Fl-2008 kien hemm 15,838-il ħanut, is-sena l-oħra kien hemm 16,915-il ħanut, filwaqt li minn Jannar ta’ din is-sena sa nofs Ottubru kien hawn 17,255. Qal li din hija turija ċara li l-ekonomija Maltija qed tkompli tikber u tissaħħaħ permezz tan-negozji Maltin u Għawdxin.Fl-aħħar nett il-Ministru Azzopardi ħeġġeġ lill-ħwienet tal-Belt sabiex jagħmlu użu tajjeb minn din l-iskema li se tkompli tgħinhom isibu s-sigurta u s-serħan il-moħħ għan-negozju tagħhom.
Sabiex wieħed japplika għal din l-iskema jista, jew jimla l-formola online mis-sit tad-Dipartiment tal-Propjeta tal-Gvern fuq www.gpd.gov.mt mill-1 ta’ Dicembru li ġej, jew imur id-Dipartiment, fil-Baviera fil-Belt Valletta u jigbor il-formola mis-sezzjoni tal-Customer Care.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en