DAR OĦRA GĦAL IKTAR PERSUNI B’DIŻABILITÀ FIL-KOMUNITÀ
B’investiment sostanzjali megħjuna mill-Gvern, Dar tal-Providenza fetħet dar residenzjali oħra li żżid il-possibiltà għal iktar persuni b’diżabilità li jgħixu fil-komunità.
“Dar l-Akkwarell”, inawgurata dalgħodu mill-Arċisqof ta’ Malta l-ET Mons. Pawl Cremona fil-preżenza tal-Onor. Chris Said, Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, tinsab fil-Qawra u se tagħmilha possibbli biex tliet persuni oħra b’diżabilità se jkunu jistgħu jgħixu ħajja semi-indipendenti.
Il-Gvern, permezz tal-Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, qiegħed jgħin finanzjarjament lil Dar tal-Providenza bi ftehim li ntlaħaq u li jkopri tliet snin. Il-ftehim iwassal biex il-Gvern, kull sena, jagħti sa massimu ta’ €115,000 lil Dar tal-Providenza f’din id-dar li se tilqa’ tliet persuni b’diżabilità li għalihom se jħallas il-Gvern. Min-naħa tagħha Dar tal-Providenza se tara li lil dawn it-tliet persuni tingħatalhom l-attenzjoni kollha meħtieġa biex huma jkunu jistgħu jgħixu ħajja kemm jista’ jkun indipendenti f’ambjent li ma jkunx ta’ periklu għalihom.
L-Onor. Chris Said spjega li b’dan il-ftehim in-numru ta’ persuni b’diżabilità li jgħixu f’kuntest residenzjali fi djar ta’ għaqdiet mhux governattivi jew tal-Gvern u li għalihom jikkontribwixxi finanzjarjament il-Gvern issa tela’ għal 164 fi 32 dar differenti.
Huwa fisser kif fl-aħħar ħames snin, il-Gvern investa b’iktar minn €5.5 miljun fl-għaqdiet mhux governattivi li jmexxu djar residenzjali fil-komunità.
Huwa rrefera wkoll għall-ħidma kbira li qed issir mill-Aġenzija Sapport fil-qasam tal-persuni b’diżabilità u semma’ proġetti li qed tmexxi din l-aġenzija fosthom it-twaqqif ta’ żewġt idjar oħra residenzjali f’Birżebbuġa, li mistennija jifetħu fix-xhur li ġejjin, u li se jkunu qed jipprovdu faċilitajiet residenzjali fil-komunità għal massimu ta’ sitt persuni b’diżabilità f’kull dar.
Il-Ministru fisser kif bil-kollaborazzjoni sħiħa bejn il-Gvern u s-settur privat, f’dan il-każ l-għaqdiet mhux governattivi, Malta qed issegwi dejjem iktar dak li tgħid il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità dwar il-ħajja indipendenti u l-inklużjoni fil-komunità filwaqt li saħaq li l-Gvern irid ikompli jinvesti fil-persuni b’diżabilità biex dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw dejjem iktar il-potenzjal tagħhom.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en