Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TA’ PJAZZA JEAN DE VALETTE, IL-BELT VALLETTA – L-ERBGĦA, 21 TA’ NOVEMBRU 2012.

pr2562
Date Icon 21/11/2012

Onorevoli Ministru,

Mistednin Distinti,

Sinjuri,

Illum qegħdin inwettqu pass ieħor fil-ħidma tagħna biex nagħtu aktar dinjità lill-Belt Valletta. 

Qegħdin hawn fi Pjazza ġdida li qabel kienet binja u mil-lum se tkun tista’ titgawda mill-familji Maltin u minn dawk kollha li jżuru pajjiżna.

Qed nagħtu nifs ieħor ġdid lill-Belt Valletta.

L-inawgurazzjoni tal-Pjazza Jean De Valette hi waħda biss minn diversi proġetti li bihom aħna impenjati li nkomplu nħarsu lill-Belt Valletta bħala wirt storiku ta' valur kbir fih innifsu.  Il-Belt tagħna hi wkoll dokument li jiġbor fil-qoxra tal-fortifikazzjonijiet majestużi l-paġni importanti kollha ta' pajjiżna f'dawn is-sekli kollha minn mindu nbniet biex tkun monument tal-Ordni ta' San Ġwann, daqskemm ukoll biex tkun belt ewlenija ta' pajjiż modern u li fl-2018 se tkun il-belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Kull proġett li nidejna u wettaqna sa issa kien prova li aħna, Gvern u poplu, tassew marbutin, magħna nfusna kif ukoll mal-Ewropa u mad-dinja kollha, li nagħtu kull attenzjoni lil din il-ġawhra li hi apprezzata ħafna minna lkoll.

Fl-inawgurazzjoni ta' din il-pjazza, b’monument lil wieħed mill-Gran Mastri l-aktar magħrufin u importanti fil-ġrajja kollha ta’ żmien il-Kavallieri, irridu nerġgħu nuru l-istima tagħna kollha lejn dawk kollha li matul iż-żmien taw is-sehem tagħhom, b'mod jew b'ieħor, biex din il-belt tikseb u tibni l-karattru distintiv tagħha u biex tħarsu minn kull periklu. Nagħmlu dan b'rispett lejn missirijietna li taw sehemhom fl-istorja bla ma ħallew isem warajhom.  Insellmu lill-Maltin ta' qabilna li bnew ġebla, ġebla din il-belt u tant bini ieħor. 

Għamilna proġetti u għaddejjin oħrajn bħalissa, biex il-belt Valletta tkun restawrata u mħarsa f'kull xiber tagħha għaliex mhix biss hi belt tagħna, Beltin u Maltin, imma hi wkoll tal-Ewropa kollha. L-esperjenza kumplessa tagħha hi ħaġa waħda mal-paġni sbieħ u koroh tal-Ewropa. Hi belt li laqtet l-attenzjoni ta' kull min mess ma' Malta għal xi raġuni jew oħra, minn nies tal-ħakma sa nies tal-kultura.

Illum inħarsu lejn il-belt Valletta ħafna aħjar minn qabel minħabba li r-riċerka li saret u li għadha qiegħda ssir hi dejjem rivelazzjoni ta' kemm din hi belt marbuta mal-istorja politika u kulturali tan-nazzjon kollu. Aktar ma nsiru nafu fuqha, din il-belt, aktar nifhmu x'valur għandha fl-istorja tat-tmexxija politika, tal-arti, tal-arkitettura tal-pajjiż daqskemm tal-kontinent. Trid tkun dejjem l-edukazzjoni li tagħtina d-direzzjoni biex fl-aħjar interess tal-abitanti u tal-poplu naċċertaw li l-belt tibqa' ħajja, tbaqbaq mhux biss bħala ċ-ċentru amministrattiv tal-pajjiż,  imma wkoll bħala parti integrali mill-ħajja kontinwa tal-pajjiż, fis-setturi kollha, minn divertiment sa kultura.

Inħarsu lejn il-belt bħala post li, bis-saħħa tal-valur storiku tiegħu, ħa sehem fl-iżvilupp li titlob l-era moderna biex kulma hu qadim jibqa' parti mill-ħajja kontemporanja. Il-belt Valletta kienet u għadha post importanti ħafna fil-kalendarju kulturali tal-pajjiż matul is-sena kollha, u l-aktar, naturalment, fl-istaġuni festivi. Irridu nġeddu u nkabbru l-impenn tagħna favur ħidma ta' kull xorta li tkompli tħares lil din il-belt, issebbaħha u tirrendiha dejjem aktar attraenti għall-antikità daqskemm għall-kontemporanjetà tagħha. Irriduha tkompli tisbieħ, fiha nnifisha bħala kapulavur arkitettoniku, u bħala ċentru li jiġbed it-turisti minn kull naħa tad-dinja.

Aħna impenjati li nkomplu noħorġu l-ġmiel tal-ġawhar ta’ din il-Belt - mir-restawr tas-swar sa Pjazza San Ġorġ, mill-proġett tal-lift li wasal fl-aħħar fażi tiegħu sal-bini tal-parlament il-ġdid; mill-investiment fis-sit tat-teatru sar-restawr tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u bereġ oħra bħal Kastilja u l-Palazz tal-Gran Mastru.  Mill-bini tal-pont tal-breakwater sal-entratura l-ġdida tal-Belt, mill-pavimentar ta’ toroq sar-restawr ta’ Victoria Gate.  Dawn huma biss ftit mill-proġetti kollha li wettaqna tul din il-leġislatura fil-Belt Valletta.  Proġetti li ħolqu x-xogħol għall-ħaddiema, għall-familji u l-kuntratturi Maltin.

Minbarra l-aspett ekonomiku, dawn huma kollha proġetti li juru b'mod konkret kemm il-belt Valletta tistħoqq attenzjoni msarrfa realment f'inizjattivi li jidhru u li jibqgħu. Dan kollu, kiseb relevanza ġdida minħabba li l-belt se tkun magħrufa fi ftit snin oħra bħala belt kulturali tal-Ewropa. Din se tkun okkażjoni meta aktar mil-lum id-dawl tal-Ewropa u tad-dinja se jinxeħet fuq pajjiżna, u fuq kollox jinxeħet fuq din il-belt għażiża u imprezzabbli tagħna.

Għal darba oħra, u anki iżjed minn qabel, il-belt Valletta se tkun reklam għal pajjiżna kollu kemm hu. Dan jixħet fuqna responsabbiltajiet u sfidi ġodda, imma joffrilna wkoll sodisfazzjon akbar. 

Kulma għamilna sa issa wera d-determinazzjoni u d-dedikazzjoni tagħna f'dan ir-rigward.

Kulma għamilna b'suċċess sa issa wera kemm aħna konvinti minn dan l-impenn. Il-wirt kulturali jitlob hekk minna. U hekk titlob minna wkoll l-istima tagħna lejna nfusna u lejn uliedna bħala poplu ta' ċiviltà antika u tal-ogħla valur dinji. Hekk titlob ukoll minna l-industrija tat-turiżmu minħabba li ebda turist li jirfes pajjiżna ma jista' jonqos li jara l-Kon-Katidral ta' San Ġwann jew il-Port il-Kbir jew kull rokna oħra tal-belt li tiġbed l-interess ta' kull min japprezza s-sabiħ.

L-inawgurazzjoni ta' din il-pjazza trid tirrifletti s-sens storiku tagħna, l-istima lejn dawk li ġew qabilna, u trid turi wkoll kemm aħna poplu kburi bl-għeruq tiegħu li aħna impenjati li nkomplu nikkoltivaw u nsaħħu.

L-imgħoddi jimliena b'fiduċja, waqt li l-futur jistedinna nkomplu mexjin f'din it-triq sakemm naraw lill-belt Valletta u lil kull wirt storiku ieħor imħares u apprezzat, bħala wirt ta' kulħadd u ta' kull ġenerazzjoni.   

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow