STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU, L-AMBJENT U L-KULTURA
Fatti rigward il-mużewijiet immexxija minn Heritage Malta
B’riferenza għall-istqarrija tal-Onorevoli Owen Bonnici rigward it-tnaqqis fin-numru ta’ viżitaturi fil-mużewijiet u siti kulturali, wieħed irid jippreċiża dawn il-punti:
Kif jidher ċar, l-istħarriġ tal-NSO jinkludi mużewijiet, siti u attrazzjonijiet kulturali tal-Gżejjer Maltin kollha, inkluż dawk tal-Knisja, ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi u tal-privat, u mhux dawk tal-gvern biss. Fil-fatt il-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta miftuħin għall-pubbliku b’mod regolari jammontaw għal 23 biss mit-68 li ssemmi l-istqarrija tal-NSO. Għal din ir-raġuni, il-konklużjonijiet tal-Onorevoli Bonnici huma żbaljati.
Għal dak li jirrigwarda l-mużewijiet u s-siti amministrati direttament mill-Gvern permezz ta’ Heritage Malta, il-fatti huma dawn:
Meta wieħed iqabbel l-istatistika ta’ dawn l-aħħar erba’ snin, b’eċċezzjoni għas-sena 2011, jara li n-numru tal-viżitaturi li daħlu bi ħlas fil-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta baqa’ jiżdied. Fl-2009 kien 1,041,934, fl-2010 kien 1,064,454, fl-2011 kien 1,030,951. Iċ-ċifri ta’ viżitaturi għal din is-sena diġà qed juru li hemm żieda sostanzjali fuq l-2011.
Barra minn hekk wieħed irid ukoll isemmi dawn il-punti:
• Għal dawn l-aħħar tliet snin il-mużwijiet u s-siti amministrati minn Heritage Malta laqgħu fi ħdanhom, mingħajr ebda ħlas ta’ xejn, medja ta’ 40,000 tifel u tifla tal-iskejjel, li jgawdu mhux biss minn dħul b’xejn iżda wkoll minn programmi edukattivi speċifiċi matul iż-żjara tagħhom.
• Għal dawn l-aħħar tliet snin kull mużew u sit amministrat minn Heritage Malta kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex infetaħ għall-pubbliku mingħajr l-ebda ħlas mill-inqas darba fis-sena f’sensiela ta’ Open Days li issa saru tradizzjoni fil-kalendarju ta’ attivitajiet annwali ta’ Heritage Malta. Il-medja ta’ viżitaturi, li l-maġġoranza assoluta tagħhom huma Maltin, li daħlu b’xejn fil-mużewijiet u s-siti tul dawn l-aħħar tliet snin hija ta’ 80,000 fis-sena.
• Heritage Malta toffri wkoll għadd ta’ biljetti multi-site għal għadd ta’ mużewijiet bi prezz speċjali. Din l-offerta teżisti għall-mużewijiet tal-Birgu, tar-Rabat u tal-Belt.
• Heritage Malta toffri wkoll biljett wieħed għas-siti u għall-mużewijiet tagħha f’Malta u Għawdex bi prezz ta’ €30.
• Il-pubbliku jista’ jibbenefika wkoll mill-offerta ta’ sħubija li toffri Heritage Malta. Permezz ta’ din is-sħubija, wieħed jista’ jżur għal kemm il-darba jrid il-mużewijiet u s-siti kollha ta’ Heritage Malta għal prezz ta’ €35 fis-sena biss. Barra minn dan, il-membri jgawdu wkoll minn attivitajiet speċjali imtella’ apposta għalihom.
Għaldaqstant bħalma wiehed jista’ jara hawn fuq mhux talli in-numru ta’ nies li daħlu fil-mużewijiet u siti ta’ Heritage Malta bi ħlas żdiedu imma żdied ukoll in-numru ta’ nies li żaru is-siti b’xejn.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en