IMPENN U INVESTIMENT B'SAĦĦTU FAVUR INTEGRAZZJONI AKBAR FIS-SOĊJETÀ
Pajjiżna qed jinvesti mal-biljun ewro fil-qasam soċjali tiegħu fis-sena u kompla jsaħħaħ dan l-investiment matul il-ħames snin ta’ din il-leġislatura. Dan fl-istess żmien fejn pajjiżi madwarna qed inaqqsu l-għajnuniet soċjali, il-pensjonijiet u benefiċċji oħra biex isolvu l-kriżi finanzjarji tagħhom. Il-Gvern impenjat bis-sħiħ li jsaħħaħ l-istrutturi soċjali ta’ pajjiżna, u li jiżgura l-integrazzjoni dejjem akbar tal-persuni bi bżonnijiet speċjali fis-soċjetà Maltija. Dan kien il-messaġġ tal-Ministri Tonio Fenech u Chris Said li llum wara nofsinhar żaru l-Mtarfa Resource Centre, li jipprovdi tagħlim u taħriġ lill-persuni diżabilità wara li joħorġu mis-sistema ta’ edukazzjoni formali.
Il-Ministru Tonio Fenech qal li “l-Gvern kompla jsaħħaħ il-budget soċjali fi żmien fejn bosta pajjiżi daru din in-nefqa biex wettqu tnaqqis drastiku fuq is-servizzi u l-benefiċċji li joffru. Spiċċaw fi kriżi soċjali għax ma kellhomx għażla oħra. Frott it-tisħiħ tal-finanzi ta’ pajjiżna, nistgħu nibqgħu nwieżnu lil min jeħtieġ l-għajnuna tagħna.”
Huwa qal li matul din il-leġislatura, kull budget il-Gvern żied l-allokazzjoni tiegħu fuq il-pensjoni tad-diżabilità: minn 9.6 miljun ewro fl-2008 għal 11.1 miljun ewro għal 2012. B’kollox, il-Gvern alloka 51 miljun ewro għal din il-pensjoni f’din il-leġislatura. Bl-istess mod, l-allokazzjoni għall-allowance għat-tfal b'diżabilità telgħet minn 620,000 ewro fl-2008 għal aktar minn 750,000 ewro din is-sena, għal total ta’ 3.4 miljun ewro.
Tonio Fenech qal li l-Gvern qed iħares kif anke f’dal-budget nkomplu nsaħħu l-qafas soċjali ta’ pajjżna inkluż l-inizjattivi biex persuni b’diżabilità jkomplu jingħataw l-aqwa livell ta’ appoġġ li fil-komunità, b’sistemi li jkunu dejjem aktar marbuta madwar il-persuna u l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet speċifiċi tagħha.
Min-naħa tieghu l-Ministru Chris Said tkellem dwar kif fl-aħħar snin il-qasam tal-persuni b’diżabilità f’pajjiżna kompla jissaħħaħ. Huwa semma’ t-titjib qawwi fil-qasam edukattiv b’rabta mal-persuni b’diżabilità u semma’ kif fost l-oħrajn f’Malta huma biss 0.15% tal-persuni b’diżabilità ta’ taħt is-16-il sena li ma jattendux fi skola mainstream, meta l-medja fil-pajjiżi tal-UE hija ta’ 2.3%. Madankollu l-Gvern kompla jinvesti anke f’Ċentri ta’ Riżorsi bhal dan tal-Imtarfa fejn issa jista’ jilqa’ fi ħdanu 33 persuna, minflok 22 kif kien sa ftit ilu. Dan ifisser żieda ta’ 50% fil-kapaċità ta’ dan iċ-ċentru fl-aħħar xhur.
Huwa semma’ wkoll l-investiment qawwi mill-Gvern f’dawk li huma Learning Support Assistants (LSA) fl-iskejjel, li issa jlaħħqu mal-2,000 LSA għal aktar minn 3,000 tifel u tifla, l-investiment fil-bini tal-iskejjel inkluż fl-aċċessibilità għal studenti b’diżabilità, kif ukoll inizjattivi b’riżultat tal-Budget għal din is-sena fosthom t-twaqqif ta’ dar residenzjali għall-persuni b’diżabilità fil-Qawra, li se tinfetaħ mid-Dar tal-Providenza bl-għajnuna tal-Gvern iktar tard din il-ġimgħa, u l-proġett tal-Agenzija Sapport f’Birżebbuġa għal persuni b’diżabilità biex jgħixu fil-komunità. Huwa fakkar li din is-sena għall-ewwel darba kien hemm allokazzjoni finanzjarja speċifika fil-Budget biex il-Gvern jinkoraġixxi lil persuni b’diżabilità jibqgħu jgħixu fid-dar tagħhom, u b’hekk tissaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Fi tmiem iż-żjara huma żaru wkoll lill-kooperattiva Me2, li qed twettaq proġett b’finanzjament tal-UE u tal-Gvern Malti, u li qed jgħin biex persuni b’diżabilità jersqu dejjem eqreb tad-dinja tax-xogħol, b’taħriġ u b’esperjenzi diretti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en