IL-GVERN FAVUR SAJD SOSTENIBBLI KIF STIPULAT MILL-ICCAT
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali jirreferi għar-rakkomandazzjoniet tal-Kummissjoni Internazzjonali għal Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku, ICCAT, kif maqbula fil-konferenza f’Agadir, il-Marokk f’dawn il-ġranet. Din il-konferenza permezz ta’ data xjentifika innutat li fl-aħħar snin bil-miżuri li ttieħdu biex ikun hemm kontroll għas-sajd ta’ din l-ispeċi minn kull pajjiż fosthom Malta, din l-ispeċi qabdet mit-triq ta’ rkupru sostenibbli. Dan wassal biex qed ikun rakkomandat li mill-istaġun tas-sena d-dieħla l-kwoti ta’ qbid stabbiliti jiżdiedu għal-livell li kienu fis-sena 2010, iġifieri żieda globali ta’ 600 tunnellata u għalhekk dan għandu jfisser żieda fil-kwota ta’ Malta għall-istaġun tas-sena 2013.
Il-kwota għal Malta għad trid tiġi kkomunikata mill-Kummissjoni Ewropea. Il-konferenza tal-ICCAT stabilixxiet ukoll li l-istaġun għas-sena d-dieħla ser jitressaq b’għaxart’ijiem jiġifieri jibda mis-26 ta’ Mejju flok fis-16 ta’ Mejju u b’hekk jispiċċa fl-24 ta’ Ġunju għall-Purse Seiners. Għaldaqstant, is-sajjieda artiġjanali ser ikollhom 10 t’ijiem oħra biex jistadu qabel jibda l-istaġun tal-Purse Seiners.
Malta bħala membru tal-Unjoni Ewropea, tipparteċipa f’din il-konferenza li bħal kull sena jkollha l-għan li tistabilixxi l-kwoti għal qbid tal-ispeċi, blue fin tuna, biex il-qabda tkun waħda sostenibbli u li ma tipperikolax l-eżistenza ta’ din l-ispeċi. Il-Gvern Malti jilqa’ dawn it-tibdiliet b’sodisfazzjon għal fatt li l-isforzi kollha li pajjiżna għamel f’miżuri ta’ kontroll taw il-frott meħtieġ.
Fl-aħħar snin pajjiżna dejjem dejjem aderixxa mar-regolamenti u saħħaħ l-kapaċità amministrattiva tad-Dipartiment tal-Kontroll tas-Sajd li l-għan tiegħu hu li l-attivitajiet kollha fis-settur tas-sajd isiru skond ir-regolamenti u b’mod sostenibbli. Ta’ min jinnota li fil-każ ta’ Malta, l-Gvern għall-istaġun li għadda qassam il-kwota ta’ pajjiżna biss fuq sajjieda li jistgħadu b’mod artiġjanali.
Il-Gvern Malti jibqa’ impenjat li jimplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet hekk kif għamel fl-aħħar snin.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en