2 MILJUNI U NOFS EWRO INVESTIMENT MINN KUMPANIJA MALTIJA LI KOMPLIET TIKBER, TIĠĠENERA IX-XOGĦOL U ŻŻID L-IMPJIEGI
Il-kumpanija Alert li bdiet topera 14-il sena ilu b’żewġ persuni biss, illum timpjega mal-50 impjegat u fl-aħħar sena biss ħolqot 12-il impjieg ġdid. Dan qalu dalgħodu l-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi meta kien qiegħed iżur x-xogħol li għaddej fuq il-binja l-ġdida li l-kumpanija qegħda tibni minħabba li din kibret b’mod sostanzjali. F’din l-okkażjoni wkoll, l-Ministru ppreżenta lill-kumpanija, żewġ ċertifikati rikonoxxuti internazzjonalment u li jinħarġu mill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur dawk tal-MSA EN ISO 9001 kif ukoll l-MSA EN ISO 14001.
Alert Communications toffri numru ta’ servizzi lill-kumpaniji kbar fosthom fil-qasam tal-IT, marketing, catering u konsulenzi. Il-Ministru Azzopardi qal li din il-kumpanija hija eżempju ċar ta’ intrapriża żgħira li bdiet mix-xejn u llum kellha tkabbar l-operat tagħha minħabba l-ammont ta’ xogħol li għandna u l-impjiegi li ħolqot. Huwa ħeġġeġ lill-aktar nisa sabiex jimxu fuq il-passi tas-Sinjura Claudine Cassar u jibdew n-negozju tagħhom kif ukoll ifittxu l-għajnuna tal-Gvern li qiegħed kontinwament joffri skemi u inċentivi ta’ fejda sabiex kumpaniji bhal l-Alert ikunu jistgħu ikomplu jikbru u jsaħħu l-ekonomija Maltija. Semma li ħafna kumpaniji żgħar diġà qed jagħmlu użu tajjeb mill-iskemi mħaddma mill-Gvern, bħal Microinvest, fejn sal-aħħar ta’ Ottubru tqassmu mal-1597 ċertifikat u l-Gvern ħallas lura t-total ta’ madwar 12-il miljun f’tax credits, bl-istess iskema waħedha diġà ħolqot 590 impjieg ġdid. Irrefera wkoll għal skema oħra importanti, dik tal-Microcredit, li s’issa diġà għenet lill-aktar minn 391 sid ta’ negozju li bejniethom investew mas-60 miljun ewro. Il-Ministru Azzopardi saħaq illi il-kumpanija Alert għarfet il-potenzjal tagħha sabiex tibda n-negozju tagħha u tinvesti f’ekonomija soda u b’saħħitha.
Is-Sinjura Claudine Cassar, Direttriċi tal-kumpanija Alert qalet li l-kumpanija qed tinvesti miljun u nofs ewro fuq il-binja l-ġdida li mistennija tkun lesta sa Mejju tas-sena d-dieħla u b’kollox s’issa investiet 2 miljun u nofs fuq iż-żewġ binjiet. Hija spjegat li grazzi għal diversi skemi li l-kumpanija bbenefikat minnhom li huma mħaddma mill-Gvern kif ukoll grazzi għaċ-ċertifikati l-ġodda li rċeviet, il-kumpanija tista tkompli tilħaq dejjem livelli għolja, sabiex b’hekk tkun tista’ toffri aktar servizzi lill-klijenti tagħha. Filfatt hija spjegat li l-kumpanija bbenefikat minn inċentiva li taqa taħt il-Business Promotion Act minħabba l-fatt li l-kumpanija tipprovdi servizzi ta’ software. Spjegat ukoll li l-kumpanija użat diversi servizzi tal-ETC, fejn fosthom bagħtet diversi ħaddiema għal-taħriġ intensiv f’diversi suġġetti varji.
Il-kumpanija, li fil-futur tagħha tara biss aktar tkabbir u iżjed opportunatijiet għall impjegati ġodda, ħabbret ukoll illi fi żmien erba’ ġimgħat oħra tkun qeda topera ukoll mid-Dubai wara s-suċċess li kellha diġà f’diversi pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq.
Dalgħodu wkoll, il-kumpanija irċeviet 2 ċertifikati ta’ livell internazzjoni li ġew ippreżentati mill-Ministru Jason Azzopardi. Dawn huma l-MSA EN ISO 9001; li huwa ċertifikat ta’ standard rikonoxxut internazzjonalment ma’ ’l fuq minn miljun organizzazzjoni madwar id-dinja. Dan l-istandard jassigura illi l-kumpanija tkun ippreżentat livell għoli ta’ sodisfazzjon lill-konsumaturi tagħha, għaliex filfatt l-istandard jikkonċerna l-proċessi varji fi ħdan il-kumpanija illi jaffetwaw kemm il-prodott jew is-servizz li qed jiġi offrut. Iċ-ċertifikat l-ieħor huwa l-MSA EN ISO 14001, li huwa ‘standard’ internazzjonali li jistabbilixxi l-kriterji għal sistema tal-imaniġġjar tal-ambjent. Dan l-istandard jikonsisti f’numru ta’ rekwiżiti li huma importanti għall-prestazzjoni ambjentali, li kumpanija jew organizzazzjoni tista’ ssegwi biex twaqqaf sistema effettiva ta’ maniġġjar ambjentali.
Fl-aħħar nett il-Ministru Azzopardi feraħ lill-kumpanija Alert li qed tkompli tagħmel suċċess u toħloq aktar xogħol u awgura li aktar negozji jimxu fuq l-eżempju ta’ din il-kumpanija sabiex dawn ikomplu jinvestu f’ekonomija soda u jagħmlu użu tajjeb minn inċentivi u skemi li dan il-Gvern joffri.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en