ŻIGU ŻAJG - FESTIVAL KULTURALI GĦAT-TFAL
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina u l-Ministru għat-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent Mario Demarco dal-għodu żaru lit-tfal tal-iskejjel li qed jipparteċipaw fil-Festival Kulturali “Żigu Żajg” li qed isir fil-Kavallier San Ġakbu – Ċentru għall-Kreattivita’.
F’kummenti lill-membri tal-istampa, il-Ministru Cristina qalet li l-Gvern jemmen fil-ħtieġa li sa minn ċkunithom indaħħlu fit-tfal tagħna l-imħabba lejn il-kultura li tixhed l-egħruq u l-identiita’ ta’ kull poplu. Dan il-festival hu waħda mill-inizjattivi li qed jittieħdu f’dan ir-rigward.
F’dawn l-aħħar snin ittieħdu numru ta’ inizjattivi biex inressqu lit-tfal lejn il-kultura. Fost dawn semmiet l-inizjattiva Kreattiv, il-Premju tal-President għall-Kreattivita’ u l-introduzzjoni tal-Culture Card.
Barra minn dan, fl-iskejjel qed jiżdiedu l-attivitajiet kulturali u fil-Kurriklu Nazzjonali l-ġdid se jingħata aktar spazju lil dawn l-attivitajiet.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni qalet li llum qed jingħata għarfien ukoll lis-sehem tal-istudenti f’attivitajiet kulturali anke barra mill-ħin tal-iskola, bħal meta jieħdu sehem fil-kor tal-parroċċa, jew fil-banda tar-raħal u attivitajiet kulturali oħra. Dawn l-attivitajiet qed insemmuhom fiċ-ċertifikat li nagħtu lit-tfal tagħna fi tmiem l-iskola sekondarja.
Il-Ministru Mario de Marco qal li l-Gvern hu impenjat li jinvesti fit-tisħiħ tal-ħiliet u t-talent tal-poplu Malti inkluż tat-tfal u ż-żgħażagħ. Mario de Marco ħeġġeġ lit-tfal biex minn eta’ żgħira jieħdu interess fil-kultura u biex jipparteċipaw fl-inizjattivi li qed jitwaqqfu u fl-attivitajiet immirati lejn t-tisħiħ tat-talent tagħhom u t-tkattir tal-għarfien kulturali. Mario de Marco qal li l-festival Zigu Zajg jikkumplimenta d-diversi inizjattivi li waqqaf il-Gvern fl-aħħar snin biex it-tfal, żgħażagħ, artisti, diretturi, imprendituri u bosta persuni oħra inkluż organiżazzjonijiet kulturali jinvestu fi proġetti u talent immirati lejn tisħiħ tal-ekonomija tal-kreattivita’.
It-tfal tal-lum sitt snin oħra ikunu adoloxxenti u żgħażagħ u allura se jkollhom sehem importanti biex pajjiżna jagħmel suċċess fis-sena li fiha jkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Dan il-Festival u inizjattivi oħra bħalu huma ta’ min jinkoraġġihom u jgħinhom għaliex iressqu l-kultura lejn it-tfal u t-tfal lejn il-kultura sa minn eta’ żgħira biex imbagħad ikunu huma stess li jservu bħala ambaxxaturi kulturali ta’ pajjiżna fil-familji tagħhom u fil-komunita’ fejn jgħixu.
Fil-festival se jibqa’ sejjer matul din il-ġimgħa se jkun hemm diversi attivitajiet indirizzati għal tfal ta’ etajiet differenti minn dawk li jattendu c-Child Care Centres, il-Kindergarten, il-primarji u s–sekondarji.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en