L-ARTI PUBBLIKA ŻŻEWWAQ XOGĦLIJIET INFRASTRUTTURALI GĦAL AMBJENTI ISBAĦ F’GĦAWDEX
‘Sitta minn tlettax-il biċċa xogħol tal-arti li ġew ikkummissjonati mill-Ministeru għal Għawdex, qed isebbħu spazji pubbliċi f’Għawdex wara li f’temp ta’ ftit xhur sabu posthom fit-toroq u nħawi oħra tal-gżira ta’ Għawdex’. Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono meta żaret żewġ xogħlijiet oħra li ġew installati dan l-aħħar b’rabta mal-iskema ‘l-Arti fit-Toroq’.
Il-Ministru fissret kif din l-iskema ġiet imnedija mill-Ministeru għal Għawdex f’Diċembru tal-2010 bħala inizjattiva marbuta mal-implimentazzjoni tal-ewwel Pjan ta’ Azzjoni EkoGħawdex għas-snin 2010-2012. Minbarra li toħloq opportunità biex ikomplu jiġu msebbħa inħawi pubbliċi f’Għawdex, din l-iskema għandha wkoll l-għan li tippromwovi l-kreattività u t-talent artistiku lokali.
Ix-xogħlijiet ta’ arti pubblika li ġew installati dan l-aħħar jinkludu xogħol mill-artist residenti Għawdex Paolo Giordanella. Dan l-artist iddisinja u wettaq xogħol li jirrappreżenta ġurat kbir jistrieħ fuq xitla. ‘Ambjent Naturali’ maħdum bl-azzar u r-ram ġie mqiegħed ġewwa roundabout fit-triq bejn Għajnsielem u x-Xewkija u qed jikkumplimenta l-inħawi rurali u x-xogħlijiet estensivi ta’ ristrutturar li saru fuq din it-triq.
Mill-banda l-oħra l-iskultura tal-artista Għawdxija Nicholette Vella ‘Uċuh-Poplu’, tipproponi stil kompletament differenti. Ix-xogħol ġie esegwit fuq Ġebla tal-Qawwi ta’ Għawdex u llum d-diversi uċuħ imnaqqxa fuqha bdew jilqgħu lil kull min ikun dieħel fiċ-ċentru tal-belt Victoria min-naħa tal-bus terminus. F’dan is-sit ukoll saru xogħlijiet estensivi ta’ tisbiħ biex dan it-terminus ikun jista’ jaqdi l-funzjonijiet marbuta mal-introduzzjoni tas-sistema l-ġdida tat-trasport pubbliku.
Dawn iż-żewġ xogħlijiet ta’ arti pubblika isegwu xogħlijiet oħra li kienu jinkludu ‘il-Menhir’ xogħol bil-fuħħar maħdum minn Kathleen Formosa li ġie installat fi Ġnien it-Tliet Għoljiet f’Marsalforn, ‘Gozo Gossiping’ skultura fil-franka ta’ Joe Xuereb u ‘Serenità’ xogħol fil-bronż tal-artist Malti Angelo Agius li t-tnejn qed ikomplu jżejnu l-ambjenti ġewwa Villa Rundle, u ‘Merħba bil-Fjuri’ mużajk biċ-ċeramika ta’ Mary Portelli li jilqa’ lil kull min jasal Għawdex fil-bidu ta’ triq l-Imġarr qrib it-terminal tal-vapur.
B’kollox fl-Iskema l-Arti fit-Toroq ipparteċipaw 64 artist. Dawn kienu jinkludu Għawdxin u Maltin, kif ukoll barranin li joqogħdu fil-gżejjer Maltin, li flimkien issottomettew 120 abbozz ta’ xogħlijiet ta’ arti. Fosthom intagħżlu 43 li 13 minnhom diġà ġew ikkummissjonati u qed jiġi maħduma fuq skala akbar biex eventwalment huma wkoll jiġu installati f’diversi nħawi pubbliċi, fosthom siti fejn għaddejjin jew twettqu proġetti ġodda.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en