13-IL FILM JEW DOKUMENTARJU SE JKUNU QED IGAWDU BEJNIETHOM 240,000 EWRO PERMEZZ TAL-MALTA FILM FUND
Ikkonfermati tliet produzzjonijiet ċinematografiċi importanti għall-2013
13-il film jew dokumentarju Malti se jkunu qed igawdu bejniethom 240,000 ewro permezz tal-Malta Film Fund, li se jkun alloka tul dawn l-aħħar erba’ snin kważi 940,000 ewro għall-films lokali fil-fażijiet ta’ produzzjoni u żvilupp kif ukoll għal korsijiet ta’ taħriġ. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministri Tonio Fenech u Mario de Marco.
Waqt l-intervent tiegħu, il-Ministru Fenech ħabbar li filwaqt li din is-sena nħadmu 15-il produzzjoni f’Malta, fosthom Fort Ross, Come un Delfino, Pirate Pete u Sinbad, bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex jinġiebu numru ta’ films f’pajjiżna matul l-2013. Tliet produzzjonijiet huma diġà kkonfermati: Film Ingliż dwar il-Gwerra tal-Falklands, serje televiżiva maġġuri kif ukoll produzzjoni Franċiża ta’ 5 miljun ewro li kienet il-frott tal-preżenza Maltija waqt il-Film Festival Internazzjonali ta’ Cannes.
Tonio Fenech qal li l-Film Fund 2012 se jkun qed jgħin 13-il film jew dokumentarju, 6 minnhom fil-fażi ta’ produzzjoni u 7 oħra fil-fażi ta’ żvilupp. Dan il-Fond irid jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ talenti u kapaċitajiet ġodda li jsaħħu l-kapaċità ta’ dawn il-persuni biex ikunu parteċipanti attivi ff-industrija tal-films permezz tal-produzzjonijiet lokali imma jkunu jistgħu jkollhom rwoli aktar importanti fil-produzzjonijiet barranin li jiġu Malta.
Il-Ministru de Marco stqarr li dawn ix-xogħlijiet awdjoviżivi setgħu iseħħu bl-għajnuna tal-Malta Film Fund, inizjattiva oħra ta’ dan il-Gvern, li tagħraf id-diversità fix-xogħlijiet li qed jinħolqu. Dawn jinkludu temi u stili differenti, u jvarjaw minn dokumentarji għall-films qosra kif ukoll films animati.
Fl-2008, il-Gvern waqqaf il-Malta Film Fund li għandu l-għan li: iħeġġeġ il-produzzjoni ta’ films u dokumentarji Maltin li huma ta’ kwalità, jappoġġja l-artisti lokali f’dan il-qasam, jippreserva u jippromovi l-kultura u d-diversità lingwistika permezz ta’ għodda awdjo-viżiva, jiżviluppa l-arti u l-kultura kif ukoll il-promozzjoni ta’ produzzjonijiet Maltin b’mod aktar effettiv, u jsaħħaħ il-qasam tal-films bħala parti mill-prodott kulturali ta’ pajjiżna.
Il-Ministru de Marco kompla jgħid li dan il-fond huwa immirat lejn il-produzzjoni ta’ films li joħorġu l-karattru Malti u Għawdxi tagħna. Huwa fond li għandu l-għan li jwassal xogħoljiet għand l-udjenza lokali li għandha għatx għall-produzzjonijiet Maltin ta’ kwalità.
B’kollox fl-aħħar snin, il-Gvern investa €940,000 bejn il-Film Fund u l-korsijiet differenti tal-Film Commission. Dan huwa settur li jsaħħaħ l-ekonomija tal-kreattività li bħalissa timpjega madwar 8,000 persuna fi 3,600 intrapriża. B’hekk l-investiment fl-oqsma kulturali u kreattivi jissarrfu f’opportunitajiet għall-artisti imma anke fil-ġenerazzjoni tal-kummerċ u l-ħolqien tal-impjiegi.
L-inċentivi finanzjarji li qed jingħataw flimkien ma’ servizzi relatati mal-films ġibdu lejn pajjiżna diversi produzzjonijiet filwaqt li ħajjru talent lokali jidħol f’dan is-settur li qabel kien biss ħolma.
Intant, fl-1 ta’ Diċembru Malta se tkun qed tilqa’ l-European Film Awards għall-2012.
Dan l-avveniment għandu jgħin sabiex Malta tkompli ssaħħaħ ir-reputazzjoni tagħha f’din l-industrija. Iċ-ċerimonja se tintwera diretta f’aktar minn 50 pajjiż madwar l-Ewropa u għalhekk, se sservi wkoll ta’ reklam importanti għal pajjiżna. Diġà kkonfermaw il-preżenza tagħhom numru ta' Ministri responsabbli minn dan is-settur, kif ukoll diretturi, artisti ta' fama internazzjonali Bernardo Bertolucci u Helen Mirren.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en