JOB START WORKSHOP
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina dalgħodu żaret Job Start Workshop li qed isir fl-iskola sekondarja tal-bniet tal-Kulleġġ San Benedittu, maħsuba biex studenti tal-aħħar sena jingħataw tagħrif dwar kif eventwalment iħejju ruħhom għax-xogħol.
Din l-inizjattiva qed titmexxa mill-Career Advisor tal-Kulleġġ San Benedittu u l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ. L-istudenti kollha tal-Form V se jkollhom iċ-ċans jattendu għal dawn il-workshops li huma mifruxa fuq tliet ijiem. Wara t-tielet jum l-istudenti jingħataw ċertifikat mill-ETC.
L-iskop ta’ dawn il-workshops hu li jibdew jippreparaw lill-istudenti għad-dinja tax-xogħol b’mod prattiku.
Matul dawn is-sessjonijiet l-istudenti jiġu murija kif jiktbu ittra ta’ applikazzjoni għal impjieg; iħejju cv; jagħrfu x’inhuma l-ħiliet u l-kwalitajiet tagħhom u kif dawn se jpoġġuhom fis-cv u jużawhom waqt xi intervista għax-xogħol, kif u fejn għandhom ifittxu x-xogħol u kif għandhom iġibu ruħhom waqt l-interview, kif jilbsu, kif joqgħodu quddiem min qed jintervistahom, body language u hints oħra.
Din hi t-tielet sena li qed issir din l-inizjattiva. Fl-ewwel sena ibbennefikaw minnha 11-il studenta, is-sena li għaddiet 81 studenta u din is-sena qed jibbenefikaw 88 studenta.
L-inizjattiva tista’ titqies bħala eżerċizzju kumplimentari għall-esperjenza tal-Job Exposure fejn wara li l-isudenti jkunu esperjenzaw x’jiġri f’post tax-xogħol, issa jkunu ggwidati mill-career advisor, liema karriera hi l-aktar adattata għalihom u kif jistgħu jaslu għaliha.
F’kelmtejn lill-istudenti il-Ministru Cristina qalet li dawn il-workshops huma utli għax jibdew jgħinu lill-istudenti għall-futur tagħhom. Madankollu hi enfasiżżat il-ħtieġa li l-istudenti ikomplu jistudjaw biex ikunu f’pożizzjoni aħjar li jagħżlu karriera li toffrilhom futur aħjar u tagħtihom sodisfazzjon.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en