IT-TBISSIMA L-AQWA KURA: IMNEDIJA INIZJATTIVA ĠDIDA U INNOVATTIVA FIL-QASAM TAS-SAĦĦA
It-tbissima hija l-aqwa kura – dan hu l-prinċipju li jixpruna grupp ta’ voluntiera li jiddedikaw parti mill-ħin liberu tagħhom fl-Isptar Mater Dei bl-iskop li jferrħu li pazjenti ċkejkin u anke l-dawk li huma naqra aktar imfarfrin. L-ewwel anniversarju tal-inizjattiva tal-clown doctors ġewwa l-Isptar Mater Dei ġiet iccelebrata llum fl-Isptar Mater Dei f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministri Tonio Fenech u Joe Cassar.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, Tonio Fenech tkellem dwar kif ebda ġenitur ma jixtieq qatt jara l-uliedu jeħtieġu l-kura fi sptar, u hu għalhekk li meta sfortunatament dan ikun meħtieġ, mhux biss l-Istat qed jipprovdi sptar tal-ogħla kwalità, l-aqwa professjonisti u l-aqwa tagħmir mediku, iżda wkoll l-aqwa ambjent biex naraw it-tbissima terġa’ lura fuq wiċċ it-tfal tagħna.
Huwa faħħar liż-żgħażagħ li ħadmu biex dan il-proġett isir realtà – proġett li se jinkludi programm ta’ appoġġ għal clown doctors preżenti, programm ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, appoġġ biex jinstabu sponsors, taħriġ għall-voluntiera, taħriġ artistiku u psikoloġiku, u kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet ta’ clown doctors u istituti internazzjonali ta’ taħriġ f’dan is-settur.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità Joe Cassar sostna li dejjem jibqa’ “affaxinat mill-qawwa tal-volontarjat. Mill-volontarjat dejjem joħroġ il-ġid. U fil-fatt din l-avventura li qed inniedu llum hija propju frott ta’ ħidma volontarja. Kien għalhekk li tajt l-appoġġ sħiħ tiegħi għal din l-inizjattiva.” Il-Ministru Joe Cassar żied jgħid li “minkejja li forsi wieħed jaħseb li din biċċa xogħol faċli, fil-fatt mhix. Wara din l-inizjattiva hemm proċess twil sabiex jintaqgħżlu l-persuni adegwati u jingħata t-taħriġ neċessarju. Ma tistax sempliċiment tilbes ta’ clown u tiġi l-isptar. L-ewwel nett ridna naraw li s-servizz, anke jekk volontarju, huwa wieħed ta’ standard għoli għal fatt li dawn in-nies se jkollhom kuntatt ma’ pazjenti. Grupp ta’ persuni ta’ etajiet differenti, u backgrounds differenti, ingħaqdu flimkien, studjaw, għamlu l-eżamijiet neċessarji u issa għandna l-ewwel clown doctors f’pajjiżna”
Il-Ministri għalqu l-interventi tagħhom billi rringrazzjaw lil Clown Doctors Malta, għal din l-inizjattiva u lill-voluntiera li se jiddedikaw il-ħin tagħhom għal skop imprezzabbli – it tbissima tat-tfal li jkunu fl-isptar għall-kura.
Fit-tmiem din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Tonio Fenech ippreżenta għotja ta’ 35,000 Ewro mill-Fond għall-Kawżi Ġusti lill-"Dr Klown", l-assoċjazzjoni li tipprovdi dan is-servizz li ħabbret li se tkun qiegħda taħdem fuq website u kotba għat-tfal kif ukoll se tkun qed tikkollabora ma' assoċjazzjoni barranija.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en