L-ANZJANI HUMA GĦAL QALB IL-GVERN: GRAZZI GĦAL POLITIKA EKONOMIKA B’SAĦĦITHA PAJJIŻNA SETA’ JSAĦĦAĦ L-GĦAJNUNA BIEX L-ANZJANI JGĦIXU KWALITÀ TA’ ĦAJJA AĦJAR
Il-Gvern għandu politika ċara fejn jidħlu l-anzjani. L-anzjani dejjem kienu għal qalbna. Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità Mario Galea waqt iż-żjara li għamel flimkien mal-Ministru Tonio Fenech fir-Residenza San Vinċenz de Paul. Ir-residenza llum tlaħħaq mal-1200 resident. Iktar minn 1000 ħaddiem huma impjegati f’din ir-Residenza.
Mario Galea tkellem dwar l-investiment tal-Blokka Ġwanni Pawlu II: li tilqa’ 144 resident bid-dimensja. Dan il-proġett sewa 9 miljun ewro. Il-gvern f’din il-legislatura tella’ n-numru ta’ sodod għall-anzjani għal 900 aktar milli kien hemm fil-bidu tal-leġislatura.
Il-Gvern illum qed jonfoq €1.8 miljuni f’pensjonijiet u servizzi bħal djar tal-anzjani u servizzi komunitarji.
Mario Galea qal li llum għandna lista twila ta’ servizzi biex l-anzjan jgħix komdu u b’dinjità f’daru stess u fil-komunità fejn għex u trabba. Fost is-servizzi ta’ min isemmi tliet Night shelters li jinsabu ż-Żejtun, il-Mellieħa u r-Residenza San Vinċenz de Paul u ċ- Ċentri ta’ Matul il-Jum li llum huma għandna 19. Dawn iċ-ċentri jattendu fihom madwar 2000 anzjan. L-aħħar wieħed infetaħ fis-Siġġiewi.
Fost servizzi popolari mal-anzjani ta’ min isemmi l-Homehelp, Handyman service, l-MMDNA u l-Meals on Wheels. L-MMDNA għamlet nofs miljun żjara fil-komunità fl-2011. 2800 ikla jissajru kuljum fir-Residenza San Vinċenz de Paul u minn hawn jinqdew il-klijenti tal-Meals on wheels. Fis-sena 2011 rekord fejn b’kollox tqassmu mad-90,000 ikla.
Il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech innota kif dan l-investiment b’saħħtu favur l-anzjani huwa wkoll frott ta’ politika ekonomika u finanzjarja responsabbli. Dan qed isir f’perjodu ta’ żmien fejn bosta pajjiżi oħra, minħabba sitwazzjoni finanzjarja prekarja, ma kellhomx għażla oħra ħlief li jżidu t-taxxi, inaqqsu l-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali.
F’Malta, il-Gvern baqa’ f’pożizzjoni li jsaħħaħ l-għajnuniet tiegħu biex jgħin lill-anzjani u l-familjari tagħhom igawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar. Filfatt, matul din il-leġislatura kollha ż-żieda fil-pensjoni ngħatat sħiħa lill-anzjani, li fissret żieda ta’ kważi 20 ewro fil-ġimgħa. Barra minn hekk fil-budget għas-sena 2012, il-Gvern ta għotja ġdida ta’ €300 lill-anzjani li għalqu t-80 sena. Minn dan l-investiment ta’ 3.5 miljun ewro, qed jibbenefikaw mat-12,000 anzjan. Il-Ministru Tonio Fenech ikkonkluda li l-Budget 2013 se jibqa’ jsaħħaħ il-politika favur l-anzjani, li tirrifletti l-apprezzament għall-kontribut li l-anzjani mhux biss taw iżda jistgħu jibqgħu jagħtu lis-soċjetà.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en