ID-DEMOKRAZIJA U L-AMBJENT DISKUSSI MIŻ-ŻGĦAŻAGĦ FI PROĠETT YOUTH IN ACTION
Il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said qal li f’demokrazija il-Gvern huwa obbligat li fid-deċiżjonijiet tiegħu jinvolvi firxa wiesa’ kemm jista’ jkun ta’ setturi u residenti li se jiġu affetwati mill-istess deċiżjonijiet. Huwa qal ukoll li, bil-prinċipju tas-sussidjarjetà, id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fl-eqreb livell possibbli lejn iċ-ċittadini.
Dan qalu waqt li kien qed jindirizza simulazzjoni ta’ seduta tal-Parlament Ewropew iffurmata minn madwar ħamsin żagħżugħ u żagħżugħa minn Malta, l-Ungerija, Spanja u l-Litwanja. Is-seduta saret fil-Kamra tal-Kumitati fil-bini tal-Parlament fil-Belt, u d-diskussjoni kienet dwar l-importanza tad-demokrazija fil-ħarsien tal-ambjent.
Din is-seduta kienet organizzata mill-Mosta Youth Empowerment Centre u TDM2000 Malta u kienet parti minn proġett li beda fit-8 ta’ dan ix-xahar u jibqa’ sejjer sa nhar il-Ħadd 18 ta’ Novembru. Il-proġett jaqa’ taht il-“Youth in Action Democracy Project” kofinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja.
Matul il-proġett qed isiru attivitajiet relatati mal-edukazzjoni taż-żgħażagħ fis-suġġetti tad-demokrazija, il-politika u l-ambjent. Il-programm jinkludi żjarat lill-partiti politiċi, laqgħat ma’ esperti tal-Parlament Ewropew u tal-ambjent u attivitajiet oħra kulturali.
Fl-indirizz tiegħu il-Ministru Said emfasizza d-dritt u d-dover taż-żgħażagħ li jkunu pro-attivi flok reattivi u ma jibżgħux iqajmu diskussjonijiet importanti, u jmorru għand il-Gvernijiet b’ideat u proposti li jassiguraw futur aħjar.
L-Onor. Chris Said qal li l-kunċett tad-demokrazija mhux mibni fuq bażi ta’ minn fuq għal isfel imma minn isfel għal fuq, u kulħadd għandu jkun parti mid-deċiżjonijiet importanti f’oqsma bħalma hu l-ambjent.
L-Onor. Chris Said faħħar ix-xogħol li qed jagħmlu il-Mosta Youth Empowerment Centre u t-TDM2000 Malta li hija fergħa ta’ TDM2000, organizzazzjoni li twaqqfet ftit aktar minn għaxar snin ilu f’Sardinja sabiex issaħħaħ il-parteċipazzjoni u l-kontribut taż-żgħażagħ fis-soċjetà.
Huwa qal li dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet qed jimmassimizzaw l-opportunitajiet li toffri l-Unjoni Ewropea sabiex litteralment jagħtu s-saħħa liż-żgħażagħ iwasslu l-ideat tagħhom dwar suġġetti topiċi u importanti f’fora internazzjonali.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en