Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. JASON AZZOPARDI, MINISTRU GĦALL-KOMPETIZZJONI ĠUSTA, NEGOZJI ŻGĦAR U L-KONSUMATUR FIL-KONFERENZA GĦAN-NOTARJAT DWAR L-EMENDI GĦALL-ATT DWAR IL-PROFESSJONI NUTARILI U L-ARKIVJI NUTARILI

pr2525
Date Icon 16/11/2012

President tal-Kunsill Nutarili, Dr Clinton Bellizzi,
Mistiedna distinti,

It-tibdil li bħalissa għaddejja minnu l-professjoni Nutarili huwa xhieda tal-importanza tal-professjoni għall-Istat, is-Socjetà u għaċ-ċittadin in ġenerali. Il-fiduċja hija l-element ewlieni li tikkaraterizza l-Professjoni Nutarili. In-Nutar bħala Uffiċjal Pubbliku huwa estensjoni tal-istat, u allura, hija ħaġa mill-aktar naturali li l-istat jirriponi fil-professjoni Nutarili l-akbar fiduċja. Min-naħa tiegħu, l-Istat jistenna korp ta’ professjonisti preparat, moralment rett u etikament sod.  Il-fiduċja li l-istat – u s-soċjetà in ġenerali -  jirriponu fin-Nutar għandha tkun l-ogħla u l-għeżeż valur għal kull Nutar prattikanti.

Ir-riformi li se jiġu fis-seħħ, kien ilu jinħass il-bżonn għalihom u l-Kunsill Nutarili mexa id f’id flimkien mal-amminstrazzjoni sabiex jitwettqu. Bosta mill-emendi fl-att 24 tal-2011 u r-regolamenti fl-Avviż Legali 355/2012 huma konsegwenza diretta tal-workshops tal-2009 dwar ir-responsabbiltà Nutarili. Malli kont avviċinat mill-Kunsill ta’ dak iż-żmien, hekk kif kont għadni kemm ġejt nominat bħala Segretarju Parlamentari, mill-ewwel ħadt l-okkażjoni biex il-proposti tal-Kunsill jissaħħu u jitmexxew ’il quddiem. Il-Kunsill Nutarili flimkien mal-Gvern imxew id f’id biex ifasslu it-triq li fiha il-Professjoni Nutarili tieħu l-pass li jmiss biex tiżdied iċ-ċertezza, tissaħħaħ l-imparzjalità u tissostna l-indipendenza.

Billi ġew spjegati iswed fuq l-abjad l-obbligi u l-prattiċi ta' xogħol li kull Nutar għandu jsegwi fil-qadi ta' dmirijietu biex titkattar iċ-ċertezza ġuridika intrinsikament marbuta max-xogħol Nutarili; dawn l-emendi jiżguraw illi x-xogħol u r-responsabbiltà ta’ kull Nutar, għall-ewwel darba, huma definiti b’mod ċar u inekwivokabbli f’regolamenti mfassla biex l-uniformità u konsistenza fil-kwalità tax-xogħol ta’ kull Nutar tkun garantita. Ir-rapport dwar l-eżami tat-titolu, għaldaqstant iserraħ mhux biss moħħi iċ-ċittadin li jqabbad lin-Nutar iżda wkoll huwa fih innifsu assikurazzjoni għan-Nutar stess li, jekk jagħmel xogħolu skont il-parametri preskritti mil-Liġi, ħadd u xejn ma jista’ jħammarlu wiċċu. Ir-responsabilitajiet u dmirijiet tan-Nutar huma spjegati ċar fir-regolamenti u fir-rapport stess, u dan sabiex ir-relazzjoni bejn iċ-ċittadin u n-Nutar tkun aktar trasparenti u l-partijiet kollha ikollhom aktar serħan-il moħħ. Intrinsikament marbut ma’ dan, hemm l-assikurazzjoni professjonali obbligatorja li għall-ewwel darba qed tiġi introdotta f’din il-professjoni u l-kontijiet ta’ depositu Nutarili rreġistrati mal-Kunsill Nutarili. Għal darb’ohra il-gwida tal-Gvern u tal-Kunsill f’dan il-għan issalvagwardja l-interessi tas-socjetà in ġenerali u s-serħan il-moħħ tal-istess Kulleġġ Nutarili.
Permezz ta' tariffa aġġornata maż-żminijiet li tirrifletti dan kollu, din il-Professjoni se tkun ukoll imħarsa minn tentazzjonijiet ta' kompromessi imbarazzanti li jxekklu r-reputazzjoni tal-membri tal-Kulleġġ u jnaqqsu mir-rispett u l-fiduċja tas-Soċjetà in ġenerali.

Barra minn hekk, permezz tal-istess emendi qed jiġi żgurat illi s-sistema edukattiva tal-pajjiz fl-ogħla istituzzjoni tagħha, jiġifieri fl-Università ta’ Malta, tipproduċi Nutara mentalment dinamiċi, proattivi u professjonalment kompetenti. Is-sistema tal-prattika Nutarili li student jieħu qabel ma jagħmel l-eżami għall-Warrant ta’ Nutar inbidlet sostanzjalment biex tiżgura li l-korp Nutarili jkun magħmul minn membri bl-ogħla preparazzjoni possibbli.

Ittejbet ukoll l-infrastruttura legali sabiex nuqqasijiet jiġu indirizzati mill-aktar fis b'sistema ta' viżti effiċjenti amministrata mill-Kunsill u Qorti tar-Reviżjoni tal-Atti Nutarili verament funzjonanti b'poteri mġedda.

Kulhadd jaqbel illi l-maġġor parti tan-nutara huma persuni serji, affidabbli u professjonisti li ħaqqhom l-ogħla fiducja. Madankollu, b’riżultat ta’ l-emendi, qed jitnaqqsu sostanzjalment il-possibilitajiet li dawn in-nuqqsijiet ma jitilgħux fil-wiċċ jew jinqabdu meta jkun tard wisq. 

Dawn il-pilastri ewlenin tal-professjoni huma proprju dak li jiddistingwi lin-Nutar minn kwalunkwe professjonist legali ieħor.  Dawn l-emendi jista' jingħad li huma uħud mill-aktar importanti mis-snin 70 'il hawn u huma frott ta' ħidma u diskussjonijiet tul dawn l-aħħar snin u fil-fatt huma prova oħra ċara tal-fiduċja li l-Istat jirriponi fil-professjoni Nutarili. B’dawn l-emendi l-Gvern u l-Kunsill Nutarili riedu jsaħħu kemm il-Professjoni kif ukoll l-interess taċ-ċittadin individwali, in-negozji u s-soċjetà in ġenerali.

L-emendi qed jimmiraw għal aktar ċertezza, trasparenza u dinjità fil-qadi tad-dmirijiet tan-Nutar bħala Uffiċjal Pubbliku u professjonist legali, biex il-Professjoni tagħraf tilqa’ l-isfidi u l-aspettativi tas-soċjetà waqt li tiġġedded u tissaħħaħ il-kredibilita’ tal-Professjoni u r-rwol ta’ fiduċja li n-Nutar irnexxielu jirbaħ tul is-snin.

Grazzi ħafna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Imnedija l-Iskema Familja+ b’investiment ta’ €4.7 miljun li mistennija tilħaq madwar 7,000 tifel u tifla

PR262026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  Minister Silvio Schembri opens Tech Xpo and launches Malta’s AI Strategy 2.0

PR262025en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

Aktar Stqarrijiet Right arrow