LAQGĦA TAR-REĠISTRI TAL-KANĊER TAL-MEDITERRAN F'MALTA
Diskussjonijiet dwar dokumentazzjoni u prevenzjoni tal-kanċer
Id-Direttorat għall-Informazzjoni dwar is-Saħħa u r-Riċerka għadu kemm laqa’ fi ħdanu rappreżentanti minn Reġistri tal-Kanċer minn madwar il-Mediterran li qegħdin jipparteċipaw fil-proġett EUROMED. Dan il-proġett huwa ffinanzjat mill-Ministeru tas-Saħħa Taljan u l-għan tiegħu hu li jipprovdi taħriġ sabiex jissaħħaħ il-potenzjal tal-pajjiżi kollha f’dan ir-Reġjun biex ikunu jistgħu jiddokumentaw u jipprevenu l-effett ta’ din il-marda qerrieda bl-istess mod, irrispettivament mill-kontinent li jagħmel parti minnu l-pajjiż ikkonċernat.
Matul din il-laqgħa, li saret fil-faċilitajiet tad-Direttorat stess nhar it-13 u 14 ta’ Novembru, gew diskussi pjanijiet għal aktar taħriġ bħala parti minn dan il-proġett li mistenni jagħlaq fis-sena 2013.
Kienu bosta il-pajjiżi li laqgħu l-istedina tar-Reġistru Nazzjonali tal-Kanċer Malti – fosthom Alġerija, Tuneżija, Eġittu, u Turkija, kif ukoll numru ta’ rappreżentanti minn reġistri simili fl-Italja. Dawn ta’ l-aħħar għarfu l-esperjenza u l-kwalità tar-Reġistru Nazzjonali tal-Kanċer f’Malta u fil-fatt stednuh biex jibda l-proċess ta’ sħubija fil-kollaborazzjoni ta’ reġistri tal-kanċer Taljani bl-isem ta’ AIRTUM. Tajjeb wieħed isemmi li r-reġistri tal-kanċer Taljani huma meqjusa bħala fost l-aħjar fid-dinja u fil-fatt huma fuq quddiem fir-riċerka f’dan il-qasam.
Ir-Reġistru Nazzjonali tal-Kanċer Malti ilu stabbilit mill-1995 u huwa magħruf fost reġistri oħra għall-kwalità tal-informazzjoni li jiġbor. Iċ-ċokon tal-pajjiż ukoll jikkontribwixxi għall-fatt li r-reġistru Malti huwa wieħed mir-reġistri b’informazzjoni l-aktar riċenti fl-Ewropa. Ftit huma reġistri oħra fl-Ewropa li jistgħu jipprovdu statistika dwar il-kanċer fi żmien sentejn, minħabba li l-proċess jinvolvi ħafna verifiki ta’ l-informazzjoni miġbura permezz ta’ riżultati mil-laboratorji, fost oħrajn.
Il-konsorzju EUROMED ukoll għaraf il-potenzjal tar-Reġistru Malti u jidher li x-xefaq qed juri diversi opportunitajiet ta’ aktar kollaborazzjoni u riċerka bejn ir-reġistri Taljan u dak Malti biex wieħed ikun armat aħjar għall-ġlieda kontra din il-marda qerrieda.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en