SEMINAR DWAR ID-DIJABETE F’GĦAWDEX
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tad-Dijabete, it-taqsima tal-outpatients fi ħdan l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex organizzat seminar dwar id-Dijabete li għalih ġew mistiedna tfal u żgħażagħ Għawdxin li regolarment jattendu għas-servizzi mediċi marbuta mad-Dijabete fl-istess sptar. Dawn is-servizzi jingħataw mill-klinika tad-Dijabete fit-taqsima tal-outpatients filwaqt li servizzi oħra jingħataw ukoll fit-taqsima pedjatrika tal-isptar u fiċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat.
Għal din l-okkażjoni ċ-Ċittadella ġiet imdawla b’dawl ikħal bħala parteċipazzjoni fl-inizjattiva Blue Monument Challenge li permezz tagħha monumenti u binjiet storiċi f’diversi pajjiżi jiġu mdawla bħala ġest simboliku fl-okkażjoni ta’ din il-ġurnata.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, faħħret l-inizjattiva li permezz tagħha, għat-tielet sena konsekuttiva, f’Għawdex ukoll ġie mfakkar il-jum Dinji tad-Dijabete. Spjegat kif dan jgħaqqad aktar mill-qrib lil tant u tant nies madwar id-dinja, li f’dan il-jum jagħtu attenzjoni aktar diretta lejn il-kundizzjoni tad-Dijabete li f’pajjiżna tolqot madwar 10% tal-popolazzjoni. Il-Ministru spjegat kif is-servizzi relatati mad-Dijabete mogħtija minn konsulenti u t-tim mediku residenti fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex huma msaħħa wkoll b’sessjonijiet regolari ta’ konsultazzjoni ma’ konsulenti u nurse speċjalizzata mill-Isptar Mater Dei. Dan grazzi wkoll għall-kollaborazzjoni mal-qasam tas-saħħa f’Malta b’mod partikolari mat-Taqsima tad-Dijabete u l-Endikronoloġija fl-Isptar Mater Dei, li permezz tagħha setgħu jiżdiedu s-servizzi u l-assistenza marbuta mad-Dijabete f’Għawdex.
Il-Ministru Giovanna Debono fissret kif dan is-seminar kien ukoll indirizzat biex iżid l-għarfien dwar din il-kundizzjoni u fl-istess waqt jippromwovi prattiċi tajbin li jistgħu jkunu strumentali fil-prevenzjoni tad-Dijabete.
Il-programm waqt dan is-seminar kien jinkludi diskorsi minn diversi konsulenti kif ukoll il-parteċipazzjoni ta’ persuna li qasmet l-esperjenza personali.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en