IX-XOGĦOL FUQ IL-KONSOLIDAMENT U R-RESTAWR TAS-SWAR FIĊ-ĊITTADELLA GĦADDEJ FL-AQWA TIEGĦU
Ix-xogħol estensiv ta’ restawr u konsolidament tal-blat mas-swar taċ-Ċittadella f’Għawdex jinsab għaddej fl-aqwa tiegħu. Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, l-Onor. George Pullicino, flimkien mal-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, għamlu żjara fuq is-sit fejn qed isir dak li hu kkunsidrat bħala l-akbar proġett ta’ restawr li qatt sar fuq il-fortifikazzjonijiet taċ-Ċittadella.
Fiċ-Ċittadella qed isir xogħol ta’ interess partikolari. Mhux biss qed isir xogħol ta’ restawr iżda wkoll xogħol ta’ konsolidament tal-blat li fuqu hi mibnija din il-medda ta’ swar. Minħabba l-karatteristiċi ġeoloġiċi tiegħu dan il-blat jesebixxi diversi konsenturi li jistgħu jwasslu biex sezzjonijiet mill-blat jinqatgħu minn mal-massa ċentrali u hekk jipperikola l-istabilità strutturali tas-swar li jserraħ fuqu - xi ħaga li fil-fatt diġà ġrat ftit ta' snin ilu, meta parti mill-blat ċeda waqt maltempata. Għalhekk wara studji li saru ġiet iddisinjata sistema biex il-blat jiġi kkonsolidat, u wara dan il-proċess is-swar ta' fuqu jiġu restawrati. Din it-teknika ta' konsolidament qed tinvolvi l-irbit tal-blat dgħajjef permezz ta' 'l fuq minn 230 musmar u ankoraġġ tal-azzar (steel nails and steel anchors) ta' tul li jvarja minn 6 metri sa' 24 metru. Fuq il-partijiet tal-blat li l-iktar li jinsab fi stat ħażin ser titwaħħal ukoll xibka ta' protezzjoni.
Il-ħsarat li nstabu fuq il-blat u s-swar taċ-Ċittadella waqt il-preparamenti għax-xogħlijiet kienu partikolari ħafna. It-tip ta’ ġebel użat fil-bini taċ-Ċittadella, il-mod li biħ inbniet flimkien mal-proċessi naturali ta’ deterjorazzjoni, irriżulta f’li l-ġebla ttieklet b’mod partikulari li hu kemmxejn differenti mit-tip ta’ deterjorazzjoni li tikkaratterizza s-swar l-oħra ta’ Malta.
Ix-xogħol ta’ restawr tas-swar kollha qed jinvolvi t-tindif tal-ġebel mill-elementi li jikkawżaw ħsara, bħall-għeruq tal-kappar li maż-żmien kiber mill-fili; il-konsolidament tal-wiċċ tal-ġebla u t-tibdil tal-ġebel l-iktar deterjorat, u t-tikħil mill-ġdid tal-fili, fost xogħol ieħor.
Intant ix-xogħol li qed isir fuq is-Swar kollha taċ-Ċittadella f’Għawdex għandu investiment ta’ aktar minn €6 miljun ko-finanzjat bir-rata ta 85% mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).
Il-Ministru Pullicino qal li dan l-intervent ta’ restawr fuq is-Swar taċ-Ċittadella, tal-Birgu, l-Imdina u l-Belt Kapitali, li qed isir b’investiment ta’ €36 miljun, hu investiment fil-wirt storiku ta’ pajjiżna, fil-prodott turistiku tagħna u fil-ħolqien ta’ aktar impjiegi. Il-ħidma ta’ ħila tal-ħaddiema li qed jagħmlu dan ix-xogħol qed tagħti riżultati pożittivi tant li llum il-poplu Malti u t-turisti li jżuruna qegħdin jerġgħu igawdu s-swar fid-dehra majestuża u oriġinali tagħhom.
L-Onor. Giovanna Debono fissret kif il-proġett tar-restawr tas-swar ser ikun qed jikkumplimenta xogħol ieħor ta’ restawr f’bini ieħor ġewwa u barra s-swar permezz ta’ proġett li ser ikun qed jimplimenta wħud mir-rakkomandazzjonijiet li ġew identifikati fil-Masterplan dwar iċ-Ċittadella. Dan il-proġett ser isir b’investiment ta’ aktar minn €4 miljun ukoll parzjalment finanzjati mill-FEŻR. ‘Dan is-sit storiku uniku għal Għawdex qatt ma ra daqshekk investiment daqs kemm sar f’dawn l-aħħar snin’ qalet il-Ministru għal Għawdex. Dan jixhed ukoll l-impenn tal-Gvern li minbarra proġetti infrastrutturali ġodda ħa ħsieb ukoll il-ħarsien tal-wirt storiku ta’ pajjiżna.
Huwa ppjanat li l-pubbliku ser ikun jista’ jsegwi aktar mill-qrib ix-xogħol ta’ restawr li għaddej f’attività li ser tittella’ apposta fejn fiha jingħata wkoll tagħrif dettaljat dwar il-proċess involut f’dan il-proġett kumpless marbut mal-konsolidazzjoni tas-swar taċ-Ċittadella.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en