Left arrow Mur Lura

INVESTIMENT B’RISQ PROĠETT AGRIKOLU INNOVATTIV GĦAL BDIEWA U R-RAĦĦALA F’GĦAWDEX

pr2515
Date Icon 15/11/2012

Investiment ta’ aktar minn €1.2 miljun ser iwassal biex il-Farm tal-Gvern fil-limiti tax-Xewkija f’Għawdex jinbidel f’Ċentru ta’ Innovazjoni fix-Xjenzi Rurali u l-Ambjent. Dan il-proġett ser ikun immexxi mill-Ministeru għal Għawdex b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta u fost l-oħrajn għandu l-għan li jippromwovi prattiċi agrikoli li jirrispettaw is-saħħa u l-ambjent filwaqt li jintroduċi sistemi ġodda fil-qasam agrikolu f’Għawdex. Dan minbarra li jkompli jtejjeb il-faċilitajiet u s-servizzi li jingħataw lil bdiewa u r-raħħala Għawdxin.

Fi żjara li għamlet fuq is-sit, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, segwiet mill-qrib ir-riżultati ta’ ħidma li ilha għaddejja tul dawn l-aħħar xhur. Ħidma li kienet tinkludi xogħol estensiv ta’ ristrutturar u manutenzjoni tal-proprjetà kollha fosthom uffiċini u spazji oħra għal ħaddiema, mqajel fejn jistgħu jinżammu annimali tal-irziezet, guva tal-għasafar kif ukoll spazju għat-trobbija tan-naħal. Xogħol ta’ tiswija fuq tlett ġwiebi qed izid il-kapaċità għall-ħażna tal-ilma għall-użu f’dan is-sit bi 3000 metru kubu li jissarfu fi 3 miljun litru ilma.  Ġiet ukoll ristrutturata taqsima minn fejn tiġi koordinata ħidma marbuta mall-programm tal-Hands-on-Farming mal-iskejjel Primarji kollha f’Għawdex.  Din it-taqsima ser tkun tista’ tospita lill-istudenti żgħar f’ambjent aktar akkoljenti li joffri aktar faċilitajiet għat-tagħlim dwar in-natura. Fuq kollox ser tkompli ttejjeb l-esperjenza diretta li t-tfal jagħmlu fiż-żjajjar tagħhom f’din it-taqsima, fejn jingħataw l-opportunita’ li jiżirgħu u jħawlu pjanti filwaqt li jkunu jistgħu ukoll jaraw l-annimali u l-għasafar fl-imqajel fil-qrib.

Żvilupp importanti kien it-twaqqif ta’ sitt serer ġodda li ħadu post is-serer il-qodma filwaqt li żiedu aktar spazju minn fejn tista’ tikber l-possibiltà ta’ studju dwar il-ħamrija u diversi prodotti agrikoli. Ġiet istallata wkoll sistema kompjuterizzata ta’ fertilizzazzjoni u tisqija li tilħaq kemm is-serer kif ukoll l-egħlieqi taċ-Ċentru. Dan jiffaċilita dan it-tip ta’ studju li finalment iwassal biex il-bdiewa Għawdxin ikunu jistgħu jingħataw pariri aktar aġġornati u assistenza oħra.

Sadanittant beda jsir ukoll xogħol ta’ riċerka fosthom dak dwar it-tiġieġa Maltija ta’ kulur iswed, analiżi ta’ diversi tipi ta’ frott tas-sajf kif ukoll ta’ tipi ta’ pjanti li jintużaw bħala għalf għall-annimali.  Inxtrat ukoll kollezzjoni ta’ mijiet ta’ siġar tat-tin ta’ diversi varjetajiet tal-Mediterran bħala parti minn proġett ta’ riċerka dwar dawn is-siġar tal-frott. Se jsiru wkoll studji dwar l-aħjar użu tal-ilma fl-agrikoltura. Ġew imħawla aktar siġar fosthom madwar 500 siġra u arbuxelli indiġeni bħala parti minn proġett li ser ikun qed jippromwovi r-rabta ekoloġika bejn ix-Xlokk ta’ Sqallija u Għawdex permezz ta’ restawr u riabilitazzjoni tal-abitat naturali.

Il-Ministru Giovanna Debono fissret kif  il-proġett taċ-Ċentru ta’ Innovazzjoni fix-Xjenzi Rurali u l-Ambjent huwa marbut mal-inizjattivi tal-Pjan ta’ Azzjoni ekoGħawdex 2010-2012 li jfittex li jibdew jintlaħqu l-miri ta’ żvilupp sostenibbli f’diversi setturi soċjo ekonomiċi. Żiedet tgħid li l-qasam agrikolu huwa ta’ importanza qawwija għaliex minbarra l-kontribut ekonomiku fis-settur rispettiv, huwa wkoll strumentali fil-preservazzjoni tal-ambjent rurali ta’ Għawdex. ‘Dan il-proġett ikompli jixhed l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex bħala inizjattiva oħra li tkompli tagħti s-sostenn u l-għajnuna meħtieġa biex is-settur agrikolu f’Għawdex jibqa’ jiġi msaħħaħ’, qalet il-Ministru Debono.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Imnedija l-Iskema Familja+ b’investiment ta’ €4.7 miljun li mistennija tilħaq madwar 7,000 tifel u tifla

PR262026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  Minister Silvio Schembri opens Tech Xpo and launches Malta’s AI Strategy 2.0

PR262025en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

Aktar Stqarrijiet Right arrow