IMPENN FAVUR IL-LITTERIŻMU
Ilkoll kemm aħna - għalliema, kindergarten assistants, LSAs, amministraturi fl-iskejjel, direttorati tal-edukazzjoni, ġenituri, NGOs u soċjeta ċivili, ilkoll għandna nkunu impenjati biex nassiguraw li l-livell ta’ Litteriżmu f’pajjiżna jkompli jogħla.
Dan l-appell għamlitu l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina fil-ftuħ ta’ Seminar Nazzjonali dwar il-Litteriżmu organizzat flimkien bejn id-Direttorat għall-Kwalita’ u Standards fl-Edukazzjoni u l-Malta Union of Teachers.
Il-Ministru bdiet biex irringrazzjat lill-għalliema kollha għall-ħidma tagħhom mat-tfal Maltin li minkejja d-diversi sfidi li r-riformi li qed isiru fl-edukazzjoni poġġew quddiemhom, irnexxielhom jirbħuhom.
Hi qalet li dan l-aħħar tħabbru r-riżultati ta’ żewġ studji internazzjonali importanti fejn jidħol il-litteriżmu li tawna riżultati kontrastanti li rridu nifluhom sew.
Ir-riżultati tal-PISA tal-istudenti fl-aħħar sena tas-sekondarja tawna fuq xiex naħsbu. Dan ir-riżultat jista’ jitqies li hu frott l-istruttura selettiva li kellna fis-sistema edukattiv tagħna u li issa ħallejna warajna bir-Riforma tat-Tranżizzjoni mill-primarja għas-sekondarja u dik tal-Kulleġġi.
Mill-banda l-oħra r-riżultati miksuba fis-SurveyLang urew bla ebda dubju li l-kapaċitajiet tal-istudenti tagħna fl-ilsna barranin huma pożittivi ħafna.
Fakkret li fl-2009 bdejna nimplimentaw Politika u Strateġija Nazzjonali għall-Kisba ta’ Kompetenzi Bażiċi fl-Edukazzjoni Primarja li qed isservi biex ikunu żviluppati strateġiji aktar effettivi fil-litteriżmu sa mis-snin bikrin.
Biex inkomplu nagħtu s-sapport lit-tfal kollha tal-iskola ħalli jiksbu l-ħiliet fil-litteriżmu u fl-istess ħin naraw li jonqos id-distakk soċjo-edukattiv tal-istudenti, il-Gvern qed ikompli jżid in-numru ta’ Complementary Teachers. Mill-grupp żgħir ta’ madwar 15-il għalliem li bih beda dan is-servizz fl-1990 issa għandna tim ta’ ‘l fuq minn 80 Complementary Teacher fl-iskejjel tal-Gvern biss. L-iskejjel tal-Knisja għandhom ukoll il-Complementary Teachers tagħhom. Dawn qegħdin joffru sapport intensiv lill-istudenti mill-ewwel sat-tielet Sena tal-Primarja, kif ukoll lil tfal akbar, skont il-ħtieġa.
Hemm ukoll tim ta’ literacy support teachers li qegħdin jgħinu lill-għalliema tal-klassi biex ikunu identifikati oqsma partikulari ta’ litteriżmu li xi studenti jkollhom bżonn għajnuna fihom – għajnuna li sfortunatament ma jsibux mid-dar. Dawn l-għalliema jagħtu l-kontribut tagħhom ukoll biex ikunu magħżula mill-għalliema tal-klassi, kotba u programmi ta’ qari li huma addattati għal tfal b’ħiliet differenti. Inklużi dawk it-tfal li jmexxu ħafna, tfal li ma nistgħux ninsew u li rridu niżguraw li jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom.
Sehem importanti lejn il-litteriżmu qed jingħata wkoll mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi li b’investiment qawwi qed tmexxi programmi nazzjonali ta’ litteriżmu fil-familja u ħidma edukattiva mal-ġenituri. L-FES torganizza wkoll diversi programmi għall-ġenituri biex dawn jitgħallmu huma wkoll kif għandhom jiggwidaw u jgħinu lit-tfal tagħhom. Fost dawn ta’ min isemmi il-programm NWAR, il-programm Id f’Id, Storytelling Sessions fil-Libreriji Pubbliċi, Klabb Kittieba Żgħar u Klabb Kittieba Ġenituri, Klabb Kitba Kreattiva, Xalata ta’ Kitba (Family Writing Activities), Klabb Ħilti u oħrajn. Permezz ta’ dawn il-programmi sal-lum intlaħqu iktar minn 10,000 familja.
Il-Ministru Cristina rreferiet ukoll għall-ħidma li ssir mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja f’dan ir-rigward. F’Ottubru li għadda in-numru ta’ adulti li kienu qed jattendu għal xi kors, fil-għodu jew fil-għaxija, jew korsijiet fl-iskejjel tal-Mużika, tad-Drama u tal-Arti tela’ għal 16,398 li hu żjieda ta’ 24% fuq in-numru tas-sena li għaddiet jew aktar mid-doppju ta’ dawk li kienu jattendu fl-2008.
Ir-rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli jisħaq ukoll fuq l-importanza tal-libreriji u attivitajiet fil-komunità b’risq il-qari.
L-impenn tal-Libreriji Pubbliċi hu li jservu lill-membri kollha tal-komunita' billi jipprovdu materjal edukattiv, informattiv kif ukoll rikreattiv. Aktar kmieni din is-sena għaddejna liġi ġdida biex insaħħu s-servizz tal-Libreriji Pubbliċi u tejjibna wkoll dawk fl-iskejjel.
Fil-fatt f’dawn l-aħħar tliet snin il-Gvern ta €100,000 kull sena biex jinxtraw kotba ġodda għal-libreriji tagħna.
Ta’ min isemmi wkoll il-ħimda tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fosthom il-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb, li jżuruha madwar 18,000 persuna kull sena. Din il-fiera toffri opportunitajiet lill-pubbliku biex jiskopri pubblikazzjonijiet ġodda kemm Maltin kif ukoll barranin.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni qalet li hemm bżonn ta’ aktar diskussjoni u kollaborazzjoni biex jixpruna l-isforzi tagħna lejn aktar ħidma biex ikun żgurat li ċ-ċittadini kollha jkunu mgħejjuna jiżviluppaw sew il-ħiliet fil-litteriżmu. Dan ikompli jgħolli l-istima u r-rispett tagħhom fihom infushom.
Il-ħidma li twettqet s’issa għandha sservi bħala bażi soda biex, fil-kuntest tar-riformi edukattivi li neħħew ix-xkiel strutturali li kien hemm biex tintlaħaq l-ekwità fl-edukazzjoni, ikollna miri dejjem iktar ambizzjużi għal-livell ta’ litteriżmu ta’ uliedna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en