L-INNOVAZZJONI TAL-IMPRENDITUR MALTI BL-APPOĠĠ TAL-ISKEMI TA’ GĦAJNUNA TAL-GVERN QED JISSARRFU F’ĦOLQIEN TA’ ĠID U AKTAR POSTIJIET TAX-XOGĦOL
Il-kumpanija Seamless Limited, li timmanifattura prodotti tal-acrylic għall-kċejjen u kmamar tal-banju fost l-oħrajn, immexxija minn imprenditur żagħżugħ Malti li beda n-negozju tiegħu erba’ snin ilu bl-għajnuna ta’ fondi għall-istart-ups, kabbret in-negozju tagħha u illum qed timpjega 11-il persuna. Minħabba ż-żieda sostanzjali f’xogħol għal din il-kumpanija, grazzi wkoll għall-fatt li qed tesporta l-prodott tagħha lejn swieq barranin, għadha kif kellha t-talba tagħha għall-fabbrika ġdida u akbar f’Kordin approvata mill-Malta Enterprise. Illum wara nofsinhar il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investment Tonio Fenech u l-Ministru għal Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi ltaqgħu mas-sid u l-ħaddiema fil-fabbrika tal-kumpanija fiż-żona industrijali f’Tal-Ħandaq.
Il-Ministru responsabbli mill-Ekonomija Tonio Fenech ddeskriva l-istorja ta’ Seamless bħala waħda li tirrappreżenta s-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna, fejn il-ħila u l-ispirtu innovattiv ta’ imprenditur Malti jsib l-appoġġ tal-Gvern biex ikun jista’ jibda negozju, ikabbru u joħloq aktar postijiet tax-xogħol. Din hi storja tanġibbli li tirrifletti fil-prattika dak li qalet l-Ewropa f’rapport dwar Malta l-ġimgħa li għaddiet, fejn irriżulta li għal sena oħra l-ekonomija Maltija se tikber b’rata iktar mgħaġġla mill-Unjoni Ewropea u se toħloq aktar postijiet tax-xogħol. Il-Ministru Fenech fakkar kif frott il-viżjoni tal-Gvern għall-qasam ekonomiku, pajjiżna ħoloq 20,000 post tax-xogħol fl-aħħar erba’ snin. Is-settur tal-manifattura kien ukoll kontributur importanti għal dan ir-riżultat hekk kif fl-aħħar 4 snin kellna 160 proġett ġdid jew espansjoni, b’investiment ta’ 350 miljun ewro jew 3,700 impjieg ġdid. Tonio Fenech spjega kif mat-twaqqif tagħha, Seamless Limited gawdiet minn għajnuna ta’ 30,000 ewro permezz tal-Istart Up Scheme, li hija waħda mill-Iskemi tal-ERDF għall-Indstrija. Seamless kienet waħda minn 570 negozju li investew 78 miljun ewro grazzi ghal ghajnuniet minn dawn il-Fondi b’kofinanzjament tal-Unkjoni Ewropea. Matul dawn l-aħħar sentejn, Seamless gawdiet ukoll minn tnaqqis mit-taxxa grazzi għall-Iskema MicroInvest filwaqt li setgħet tespandi aktar b’għajnuna ta’ self b’rati vantaġġjużi bl-iskema Jeremie MicroCredit.
Il-Ministru Jason Azzopardi saħaq li din il-kumpanija hija eżempju ħaj tas-suċċess u permezz tal-bżulija tagħha, irnexxilha tinvesti, tkabbar l-operat tagħha u żżid l-impjiegi. Semma li diversi kumpaniji qegħdin jagħmlu użu tajjeb mill-iskemi mħaddma mill-Gvern u b’hekk qed joħolqu aktar impjiegi u jsaħħu l-ekonomija Maltija. Huwa ħabbar l-aħħar statistika tal-Microinvest fejn spjega li sal-aħħar ta’ Ottubru kienu tqassmu mal-1597 certifikat u l-Gvern ħallas lura t-total ta’ madwar 12-il miljun f’tax credits. Din l-iskema waħedha ħolqot 590 impjieg gdid. F’dak li jirrigwardja l-Microcredit, il-Ministru Azzopardi qal li din l-iskema qed tagħmel suċċess ukoll, skema ta’ self sussidjat, li s’issa diġa għenet aktar minn 391 sid ta’ negozju li bejniethom investew mas-60 miljun ewro.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en