IMNIEDI L-ABBOZZ TAL-ISTANDARDS GĦAL-FAĊILITAJIET RESIDENZJALI GĦALL-PERSUNI B’DIFFIKULTAJIET RELATATI MA’ DROGA, ALKOĦOL U LOGĦOB TAL- AZZARD
“Il-Gvern għandu responsabbiltà biex jipprovdi servizzi għal min għandu diffikultajiet relatati mal-vizzji u jassigura li dawn is-servizzi jiġu pprovduti”. Dan sostnieħ il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja hekk kif llum ġie mniedi l-Abbozz tal-iStandards għal-Faċilitajiet Residenzjali għall-persuni b’diffikultajiet relatati ma’ droga, alkoħol u logħob tal- azzard.
Dawn il-persuni bi problemi ta’ dipendenza spiss ikollhom għadd ta’ problemi oħrajn jew relatati u jaslu fi stat li jkollhom bżonn l-għajnuna. Dawn jinkludu fost ohrajn servizzi ta’ diżintossikazzjoni, programmi residenzjali ta’ rijabilitazzjoni kif ukoll akkomodazzjoni li toffri appoġġ. Il-Ministru Chris Said fakkar il-hidma qawwija tal-Agenzija Sedqa li flimkien ma’ zewgt entitajiet non-governattivi, l-OASI u l-Caritas, jaghmlu xogħol imprezzabbli f’dan il-qasam kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Stqarr li l- Gvern dejjem ghen u jibqa jghin lil dawn is-servizzi billi-jagħti l- fondi fil- Bagit u mill- Good Causes Fund u l- NGO fund, kif ukoll billi jagħti d-Drug & Alcohol Dependants Assistance lil dawk li qed jghixu fir- residenzi.
Is-Servizzi residenzjali jigu offruti lil kull min għandu diffikultajiet relatati mal-użu tal-alkoħol, id-droga u l-logħob ta’ l-azzard. Min-naha l-ohra d- Djar jippovdu għajnuna intensiva, li tinkludi ħarsien fiżiku, psikoloġiku u soċjali, waqt li r-residenti jigu mghejuna jippartecipaw f’inizzjattivi fejn ikunu jistghu jiksbu hiliet ġodda skont l-eżiġenzi partikolari taghhom. Biex dawn il-ħtiġijiet ikunu sodisfatti, matul is-snin tfasslu sensiela ta’ metodi. Kull servizz tfassal sabiex jirrifletti l-filosofija partikulari tiegħu u jimxi skont l-għanijiet li jħaddan.
Kien ghalhekk li dawn l-iStandards gew mnedija sabiex jistabbilixxu livell ta’ servizz baziku li għandhom joffru dawn id-djar. Wara kollox, kull servizz għandu jkun mghoti b’mod li joffri livell ta’ għejxien xieraq lil dawk li jghamlu uzu minnu. L-iStandards huma msejsa fuq il- prinċipji fundamentali tad-dinjita, privatezza, id-dritt tal-għażla, is-sigurta’, it-twettiq tal-potenzjal, l-ugwaljanza, l-individwalita u d-diversita. B’hekk, meta ffinalizzati, dawn l-iStandards ser jistabbilixxu l- livell ta’ servizz li wiehed għandu jistenna mir- residenzi li jgħinu lill-persuni bi problemi ta’ droga, alcoħol jew logħob tal- azzard.
Gie spjegat kif dan l-Abbozz għandu jservi ta’ gwida lis-sid jew lid-direttur tar- residenzi li jgħinu lil – persuni b’diffikultajiet relatati mad-droga, alcoħol jew logħob tal- azzard meta jiġu biex jieħdu deċiżjonijiet dwar il-bżonnijiet tar-residenza, l-għażla tal-ħaddiema li huma adekwati u kompententi biex jagħmlu x-xogħol li ser jitqabbdu għalih kif ukoll il-mod kif għandu jitħaddem is-servizz. Fl-istess hin, l-iStandards jghinu lill-ħaddiema u l- voluntiera jifmhu x’inhu mistenni minnhom huma u joffru s- servizzi taghhom.
L-iStandards jiddefinixxu s-servizzi li persuna li tuża dawn il-faċilitajiet residenzjali jista’ jistenna mis-servizz li jirċievi. Jgħamluha ċara li dawn huma mistennija jipparteċipaw b’mod sħiħ u pożittiv f’deċiżjonijiet li jittieħdu dwar il-pjan personali tagħhom, li jiġbor fih l-aspettativi tagħhom u x’għandhom jgħamlu sabiex jilħquhom. Jagħmluha ċara wkoll li r-residenti għandhom iġibu ruħhom b’mod responsabbli u li jirrispetta l-dawk li jaħdmu u jgħixu magħhom.
l-iStandards ikopru x’wiehed jista’ jistenna qabel ma jintuża s-servizz, meta tuża s-servizz u kontinwita wara li wiehed jitlaq mir-residenza. Fost affarijiet oħra, ir- residenza għandha għaldaqstant tagħti informazzjoni ċara dwar in-natura tas-servizz li toffri. Din l- informazzjoni tkun aġġornata u li tista’ torbot fuqha, u li tingħata b’format u lingwaġġ li tista’ tinftiehem sabiex persuna tista’ taghmel deċizjoni nfurmata dwar jekk għandiex tuza s-servizz jew le.
Persuna li tuża s-servizz għandha tħossha protetta u sikura waqt li tibqa’ tgawdi d-drittijiet u tirrispetta d-dmirijet taghha u ta' ħaddieħor. It-tluq mir-residenza ma jfissirx li jinqata kull forma ta’ sapport li wiehed jista’ jkollu bzonn. Għandu jiġi mfassal pjan ta’ għajnuna ghal ħajja sana barra mill-faċilita residenzjali.
Il-Ministru Chris Said rringrazzja lill min ħadem biex jigi finalizzat dan id-dokument kif ukoll lill-ħaddiema b’responsabbiltajiet differenti fi ħdan l- agenziji li jipprovdu servizzi residenzjali għal min għandu diffikultajiet relatati mal-użu tal-alkoħol, id-droga u l-logħob ta’ l-azzard. Heggeg ukoll lill-pubbliku generali sabiex jieħu sehem fil-perjodu ta’ konsultazzjoni sabiex ikun hemm parteċipazzjoni li tgħin issaħħah dan l-Abbozz.
L-Abbozz tal-iStandards li gie mniedi għall- konsultazzjoni pubblika jista’ jitnizzel mis-sit elettroniku www.dsws.gov.mt. Il-perjodu ta’ konsultazzjoni jagħlaq fit-28 ta’ Dicembru 2012. Għaldaqstant, il-pubbliku huwa mħeġġeġ jibgħat sottomissjonijiet dwar dan l-abbozz permezz tal-email joelin.bezzina@gov.mt, billi jċempel fuq 22788342/365 jew permezz tal-posta regolari lill-DSWS, Bugeia Institute, St Joseph High Rd, Sta Venera. Se jsiru wkoll numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni li se jkunu miftuħin għall-pubbliku. Iktar dettalji dwar dawn il-laqgħat jistgħu jinkisbu minn DSWS fuq 22788342/365.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en