TNEDIJA TA’ “DINJA WAĦDA” U GĦOTI TA’ PREMJIJIET
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina u l-Ministru tat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, Mario Demarco, dalgħodu qassmu l-premjijiet lill-iskejjel rebbieħa fil-programm “Dinja Waħda” li l-BirdLife Malta torganizza fl-iskejjel.
Dinja Waħda hu programm edukattiv għall-iskejjel primarji organizzat minn BirdLife Malta. Il-programm isir kull sena bil-kollaborazzjoni ta’ Bank of Valletta-Partner in Education u d-Direttorat għall-Kwalita u Standards fl-Edukazzjoni.
Il-programm kien tnieda fl-1994 bl-iskop li jippromwovi imġieba favur l-ambjent li tvarja minn sempliċi tpinġija ta’ poster jew riċiklaġġ għal inizjattivi akbar bħalma hu t-tindif ta’ xi sit Natura 2000.
Fil-messaġġ tagħha, il-Ministru Cristina qalet li fl-iskejjel tagħna llum qed tingħata importanza kbira lill-ambjent li se jkollu wkoll post xieraq fil-Kurrikulu Nazzjonali li issa wasal biex ikun konkluż.
Ħafna mill-iskejjel tagħna illum daħlu fl-inizjattiva EkoSkola u numru minnhom akkwistaw anke il-Green Flag.
Permezz ta’ dan il-programm Dinja Waħda, diversi skejjel organizzaw green activities fl-iskola jew barra mill-iskola. B’dawn l-attivitajiet it-tfal saru jafu aktar dwar l-habitat tal-gżejjer tagħna u dwar il-flora u l-fawna li hawn madwarna.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni ħeġġet lill-istudenti biex ikunu Ambaxxaturi tal-Ambjent u dak li qed jitgħallmu waqt dawn l-attivitajiet ikomplu jipprattikawh anke barra mill-iskola u jaqsmu dan it-tagħrif flimkien ma’ memberi oħra tal-familja tagħhom u anke ma’ ħbieb oħra biex ilkoll flimkien nitgħallmu napprezzaw in-natura li hawn madwarna u nħarsu l-ambjent li ngħixu fiħ.
Il-Ministru Cristina rringrazzjat lil BirdLife Malta u lill-Bank of Valletta li daħlu f’partnership mad-Direttorat tal-Edukazzjoni biex iwasslu dan il-programm interessanti.
Hi awgurat li aktar skejjel, kemm tal-Gvern, tal-Knisja jew skejjel Indipendenti jidħlu f’dan il-programm biex inkomplu nkabbru l-importanza tal-ħarsien tal-ambjent, fl-interess tagħna lkoll.
Il-Ministru Mario de Marco faħħar il-kollaborazzjoni bejn il-Birdlife u l-iskejjel f’Malta biex isir il-programm Dinja Waħda li qed joffri edukazzjoni ambjentali lill-istudenti. Mario de Marco spjega li l-ambjent huwa r-responsabbilita’ ta’ kull individwu u ta’ kull pajjiż hekk kif kulħadd jiġi affetwat mill-ambjent.
Hu qal li l-Gvern jagħraf li l-investiment fl-ambjent ifisser saħħa u kwalita ta’ ħajja aħjar għat-tfal, żgħażagħ, familji Maltin u għall-ġenerazzjonijiet futuri. Mario de Marco feraħ lill-għalliema u studenti għall-impenn tagħhom fil-programm Dinja Waħda u ħeġġighom jkomplu jwettqu ħidma siewja favur l-ambjent ta’ pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en