1.9 MILJUN EWRO GĦAL LABORATORJU LI JWETTAQ VERIFIKI TA’ STRUMENTI TAL-KEJL LI JINTUŻAW FIN-NEGOZJU
Fi żjara li għamel dalgħodu fil-Laboratorju tal-Metrologija tal-Awtorita Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur f’Kordin, il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi, ta dettalji dwar l-ewwel rapport maħruġ mill-Awtorita dwar il-verifiki ta’ strumenti tal-kejl li jintużaw f’setturi varji fil-qasam tan-negozju.
Il-Ministru Azzopardi saħaq li l-Awtorità qed tissokta bil-ħidma tagħha sabiex isiru il-verifiki neċessarji f’waqthom. Huwa sellem u wera l-apprezzament tiegħu għax-xogħol ta’ eċċellenza li qed jsir f’dan il-laboratorju. Il-Ministru spjega li fl-aħħar budget, il-Gvern kien ħabbar li matul din is-sena, strumenti ta’ kejl li jintużaw sabiex jindikaw il-prezz tal-ħlas li l-konsumatur irid iħallas, sejrin jibdew jiġu verifikati biex b’hekk jiġi assigurat li l-konsumatur iħallas biss dak li tassew hu mistenni minnu. Dawn l-instrumenti jinkludu fost l-oħrajn kull min juza mwieżen bħal fil-ħwienet tal-merċa, supermarkets, pompi tal-fuel, speed cameras, bottiljar ta’ ċilindri tal-gass u oħrajn.
Is-Sur Francis Farrugia, Chairman tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, spjega li l-Awtorità hija obbligata li tagħmel spezzjonijiet ta’ verifika ta’ dawn l-instrumenti ta’ kejl. Huwa qal li l-laboratorju rcieva €1.9 miljun Ewro mill-fondi tal-Unjoni Ewropea sabiex seta’ jopera u jiffunzjona bl-aħjar mezzi u strumenti possibli. Il-Ministru Azzopardi qal li dawn il-fondi għenu sabiex ikompli jinħoloq ix-xogħol fil-pajjiż b’impjiegi ta’ livell għoli. Spjega li apparti l-verifiki li jsiru għal diversi dipartimenti tal-Gvern, fil-laboratorju jsiru wkoll verifiki għal madwar 276 kumpaniji privati fosthom dawk tal-farmaċewtika.
Il-Ministru Azzopardi ta d-dettalji li ħargu fl-ewwel rapport fosthom il-verifiki li saru fl-petrol stations.Huwa spjega li f’Malta u Għawdex hawn 78 stazzjonijiet tal-fuel attivi li dawn fihom 1077 manek (fuel dispenser). Spjega li l-Awtorità tivverifika l-pompi kollha darba fis-sena u dawk li jkunu qegħdin jindikaw qari ħażin, min issa l-quddiem se jiġu ssiġillati u ma jintużawx sakemm ikunu kkalibrati mill-ġdid fil-limiti mposti. Il-Ministru saħaq li l-Awtorità qiegħda ssib il-kollaborazjoni tas-sidien tal-istazzjonijiet f’dan l-eżżerċizzju u dan jawgura għall-koperazzjoni bejn iż-żewġ naħat.
Il-Ministru spjega li fil-każ tal-imwieżen li jiġu verifikati kull 5 snin, ħlief ghal dawk tal-metall prezzjuż li jiġu verifikati kull sentejn; f’Malta u Għawdex huwa kkalkulat li hawn iktar min 3700 miżien. Huwa qal li matul din is-sena, l-Awtorità kkonċentrat fuq stabbilimenti kbar bħal ma huma Supermarkets, l-ajruport internazzjonali (s-sezzjoni tac-check-in kif wkoll fis-sezzjoni tal-cargo) u ħwienet oħra. Sa llum, aktar min 700 miżien ġie spezzjonat f’Malta u Għawdex. Min dawn, instab li 42% ma kinux qegħdin jaqraw tajjeb u kellhom jiġu kalibrati mill-ġdid. Permezz ta’ dan l-eżerċizzju ħareg ċar, li hemm nuqqas ta’ informazzjoni minn tal-ħwienet dwar li-mwieżen. Filfatt, hawn min qiegħed jimporta mwieżen li mhumiex skont ir-regolamenti Ewropej u jbiegħhom lil tal-merċa. Għal dan il-għan, l-Awtorità sejra tieħu passi kontra dawn l-individwi li se jkollom jiġbru lura l-imwieżen li muhmiex konformi mal-liġi. Il-Ministru spjega li tali eżerċizzju, qiegħed iservi wkoll sabiex l-Awtorità teduka aktar lis-sidien tal-ħwienet.
Fil-verifiki relatati mal-speed cameras, il-Ministru Azzopardi spjega li dawn kollha jidhru li qegħdin ikkalibrati tajjeb u qal li dawn jiġu verifikati darba f’sena.
Fl-aħħar nett il-Minsitru qal, li s-sena d-dieħla l-Awtorità sejra tikkonċentra fuq dawk il-ħwienet li jbiegħu metal prezzjuż ( bħal deheb, fidda eċċ.) . Huwa qal li dan l-eżeċizzju qiegħed iħalli l-frott mixtieq. Saħaq li l-Gvern huwa mpenjat li jkompli jħares kemm l-interessi tan-negozji, sabiex dawn ikunu konformi mal-liġi, kif ukoll tal-konsumaturi sabiex dawn jinqdew bl-aħjar mod possibli u jkunu sodisfatti mill-prodotti li jixtru u li jagħmlu użu minnhom.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en