PARTEĊIPAZZJONI DIRETTA TAR-RESIDENTI FIL-ĦIDMA TAĊ-ĊENTRI AĊĊESS
“Iċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra qed jagħti eżempju ċar ta’ kif jistgħu jiġu identifikati l-bżonnijiet partikolari tal-komunità b’mod kreattiv, permezz ta’ diversi proġetti u inizzjattivi li jirrelataw mill-qrib mar-residenti”. Dan qalu l-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said waqt li kien qed jinawgura esebizzjoni permanenti ta’ fotografija fl-istess ċentru.
L-Onor. Chris Said qal li ċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra qed jilħaq l-iskop tiegħu billi jinvolvi direttament lir-residenti tal-lokalità fl-inizjattivi tiegħu, u l-wirja fotografika hija xhieda ħajja ta’ dan. L-istallazzjoni ta’ fotografija hija parti mill-proġett li l-istess ċentru rebaħ mill-Premju tal-President għall-Kreatività.
Il-proġett, bl-isem ta’ “Focus on Our Concerns” ta l-opportunità liż-żgħażagħ isemmgħu leħinhom permezz tal-arti tal-fotografija. Flimkien mal-ħaddiema taċ-Ċentru, is-servizz tal-Komunità fil-Qawra u l-artista Elisa Von Brockdorf, iż-żgħażagħ ħadmu flimkien biex identifikaw liema huma dawk it-temi li l-aktar li jikkonċernawhom fil-komunità ta’ San Pawl il-Baħar.
Il-parteċipanti mbagħad ġibdu ritratti artistiċi ta’ dawn it-temi bil-għan li jwasslu diversi messaġġi lill-kumplament tal-komunità. Ir-ritratti, apparti li gew pubblikati fuq flyers li tqassmu f’kull residenza ta’ San Pawl il-Baħar, se jibqgħu esebiti b’mod permanenti fiċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra.
Il-Ministru Chris Said feraħ liċ-Ċentru Aċċess għall-impenn kbir li qed jieħu bil-għan li jkompli jsaħħaħ is-sens ta’ komunità fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar. Huwa qal li permezz tax-xogħol tiegħu ċ-Ċentru qed jirnexxielu jibdel l-isfidi li tiffaċċja komunità mzżwqa b’nazzjonalitajiet differenti u mimlija diversità f’opportunitajiet konkreti. Opportunitajiet li permezz tagħhom aktar persuni qed iħossuhom parti integrali mill-komunità u qed jikontribwixxu favur soċjetà aktar b’saħħitha anki fid-diversità tagħha.
Il-Ministru Said qal li l-missjoni taċ-Ċentri Aċċess hi li permezz ta’ professjonisti f’numru ta’ oqsma, dawn jippromwovu l-kollaborazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-komunità biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Biex dan ikun jista’ jseħħ Chris Said qal li matul l-aħħar snin kienu impjegati aktar social workers u community workers tal-Agenzija Appoġġ.
Huwa qal li s-sena li għaddiet aktar minn 17,000 persuna ħadu xi servizz tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali minn tlett Ċentri Aċċess eżisteni. Dan minbarra eluf oħrajn li ħadu servizzi oħra offruti fiċ-ċentri.
F’Ottubru li għadda il-Gvern fetaħ ir-raba’ Ċentru Aċċess li jinsab fl-Imsida, u fix-xhur li ġejjin se jinfetħu żewġ ċentri oħra, wieħed f’Birkirkara u l-ieħor f’Għawdex. Bħaċ-ċentri l-oħra, dawn se jkunu qed joffru servizzi mhux biss tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, iżda wkoll ta’ Dipartimenti u entitajiet oħra bħall-Awtorità tad-Djar, l-ETC, l-Agenzija Żgħażagħ u l-Agenzija Appoġġ.
Il-manager taċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra Martin Chetctui, ta informazzjoni dwar proġett ġdid li l-istess ċentru ser ikun qed iniedi fil-ġranet li ġejjin bil-għan li joffri opportunità konkreta lir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar li huma gejjin minn pajjiżi differenti biex jintegraw aktar flimkien.
Dan il-proġett, li ukoll huwa finanzjat mill-Premju tal-President għall-Kreattività, se jikkonsisti f’Villaġġ tal-Milied quddiem l-istess ċentru bejn l-14 u 16 ta’ Diċembru fejn se jsiru diversi attivitajiet soċjali, kulturali u sportivi.
Dan kollu ser ikun qed isir bil-parteċipazzjoni diretta tar-residenti u, fost l-oħrajn, bl-involviment dirett tal-klabb tar-wrestling u self defence tal-Qawra, l-organizzazjoni Feel @ Home u r-Russian Boarding School.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en