IL-MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA, KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U FAMILJA, L-ONOR. CHRIS SAID, INIEDI L-EWWEL LOGĦOBA UFFIĊĊJALI TAL-YOUTHS FI ĦDAN IL-MALTA BASEBALL AND SOFTBALL ASSOCIATION F’GĦAWDEX
Il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u Familja Chris Said tefa’ l-ewwel pitch cerimonjali qabel l-ewwel logħoba uffiċċjali tal-Youths tal-Malta Baseball and Softball Association f’Għawdex. Il-logħoba, li ntlagħbet fil-grawnd tax-Xagħra, kienet ukoll l-ewwel logħoba home għat-tim Għawdxi tas-softball Għajnsielem Redcoats.
Għajnsielem Redcoats lagħabu kontra Grand Slammers.
It-tim tat-tfajliet żgħażagħ ta’ Għajnsielem Redcoats idebutta fis-softball fis-7 t’Ottubru 2012 f’logħoba storika għal diversi raġunijiet. Il-logħoba kienet l-ewwel waħda fil-kategorija tal-Youths, u kienet ukoll l-ewwel darba fl-istorja tal-Malta Baseball and Softball Association (MBSA) li kkompeta tim iffurmat kollu minn tfajliet taħt l-14 –il sena.
Il-bidu ta’ dan it-tim minn Għajnsielem imur lura lejn kmieni fl-2011 meta l-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem ħa inizzjattivi biex iżid il-parteċipazzjoni tal-bniet tal-lokalità fl-attivitajiet sportivi. Dakinhar il-Kunsill organizza l-programm Autumn on the Run immirat għal bniet ta’ bejn l-10 u l-14–il sena u għażel li jffoka fuq il-logħiba tas-softball.
Għal dan il-programm kien hemm parteċipazzjion tajba u minkejja li kienu qed jilgħabu l-logħoba għall-ewwel darba, il-bniet urew progress qawwi f’din id-dixxiplina.
Wara serje ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ sar kuntatt mal-MBSA li laqgħu bil-ferħ il-parteċipazzjoni ta’ tim tal-bniet tas-softball u hekk it-tim beda jikkompeti fil-kampjonat ta’ din l-Assoċċjazzjoni.
L-Assoċċjazzjoni qablet ukoll li r-Redcoats jilgħabu l-logħobiet tagħhom home f’Għajnsielem stess, u dan se jibda jsir hekk kif il-faċilitajiet fil-lokalità jkunu lesti.
Punt interessanti huwa dwar l-isem Redcoats hu li dan mhux biss ma ntgħażilx b’kumbinazzjoni, iżda għandu wkoll konnotazzjoiet storiċi marbuta mal-lokalità ta’ Għajnsielem. Fil-fatt dan l-isem intgħażel biex jonora lis-suldati Ingliżi li fuq medda ta’ aktar minn 100 sena għixu f’Forti Chambray, minn fejn, nistgħu ngħidu li introduċew diversi dixxiplini sportivi fil-Gżira Għawdxija.
Kelliemi għal Għajnsielem Redcoats qal li l-parteċipazzjoni ta’ dan it-tim f’kampjonat nazzjonali ma kinitx tkun possibbli mingħajr l-għajnuna tal-Kunsill Lokali t’Għajnsielem u tal-Ministru Chris Said. Huwa faħħar ukoll il-ġenituri li kellhom reazzjoni pożittiva ferm għal din l-inizzjattiva u mill-ewwel fehmu l-importanza tal-parteċipazzjoni sportiva ta’ wliedhom.
Il-Ministru Chris Said faħħar l-inizzjattiva ta’ dan it-tim u tkellem dwar l-importanza li t-tfal ikunu attivi fiżikament u jinvolvu ruħhom f’dixxiplini sportivi. Chris Said qal li permezz ta’ dan it-tfal ma jagħmlux progress biss f’dik id-dixxiplina sportiva partikoalri, imma wkoll jitilgħu b’karattru aktar sod.
Huwa qal ukoll li d-diversità fl-isports hija importanti ħafna għax b’hekk ikunu qed jintlaħqu aktar tfal li mhux bilfors ikunu miġbuda lejn dak li nqisuh sports tradizzjonali f’pajjiżna. Minn dan il-lat il-Ministru Said qal li dawk li daħlu għal din l-avventura kellhom kuraġġ kbir għax marru għal xi ħaġa relattivament ġdida u rnexxielhom jagħmlu suċċess minnha.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en