STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT
L-Oppożizzjoni tinsab f’paniku sħiħ wara li din il-ġimgħa, l-Unjoni Ewropea xejnet il-wegħda ta’ Dott Muscat dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Mill-analiżi tar-rapport tal-Unjoni Ewropea joħroġ ċar li t-traħħis fil-kontijiet huwa impossibbli fid-dawl tar-realtajiet internazzjonali tal-prezz tal-enerġija. Għalhekk il-wegħda ta’ Muscat tissarraf f’taxxi ġodda.
Il-paniku ta’ Dott Muscat joħroġ ċar fid-dikjarazzjonijiet li għamel ilbieraħ dwar it-tariffi tad-dawl. Minkejja d-diversi ċaħdiet li saru mill-Ministeru, Dott Muscat jibqa’ jirrepeti l-qlajja’ li l-Gvern se jgħolli l-kontijiet.
Il-pożizzjoni tal-Gvern dwar it-tariffi tad-dawl u l-ilma hija ċara: l-isfidi tal-prezz taż-żejt qegħdin hemm u mhux se jahbihom, kif ghamlet l-Oppozizzjoni. Kien għalhekk li din is-sena il-Gvern żied l-għajnuna lill-Enemalta b’25 miljun ewro biex il-kontijiet ma jogħlewx la ghall-familji, la għan-negozji u lanqas għall-industrija.
Il-Gvern ikkonferma aktar minn darba l-impenn tiegħu li din l-għajnuna tibqa’ tingħata u li l-Budget 2013 irid jieħu inizjattiva biex dan ikun assigurat.
Minħabba ż-żieda fil-prezz internazzjonali ta ż-żejt il-Gvern ta u jkompli jagħti għajnuniet finanzjarji fosthom:
· biex familji jinvestu f'enerġija alternattiva, kif għamlu sa issa aktar minn 14,500 familja li b’għajnuna finanzjarja mill-Gvern investew f’PV’s, solar water heaters u double glazing;
· fi tnaqqis fil-kontijiet għal min jikkonsma bil-għaqal tant li 67,000 familja diġa qed igawdu minn skont sa 25% fil-konsum tal-elettriku; u
· f'għajnuniet finanzjarji lil 30,000 familja li jeħtieġu l-aktar għajnuna.
Fl-istess waqt, bid-dħul fis-seħħ tal-impjant il-ġdid ta’ Delimara, li l-Oppożizzjoni ħadmet tant biex ma jsirx, se tiżdied l-effiċjenza u b’hekk id-dipendenza fuq iz-zejt tonqos.
Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jerġa' juri biċ-ċar li Dott Muscat ma jafx kif se jraħħas il-kontijiet, u dak li qieghħed iwiegħed ma jistax jitwettaq, jekk mhux b'żieda ta’ taxxi ġodda li jkollhom iħallsu l-familji Maltin u Għawdxin. Il-wegħdi ta’ Dott Muscat jissarrfu f’taxxi ġodda.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en