DISKORS TAL-FTUĦ MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, TAL-KONFERENZA ORGANIZZATA MILL-ASSOĊJAZZJONI TAL-KUNSILLI LOKALI, GĦALL-KUNSILLIERA KOLLHA, FIL-LUKANDA DOLMEN RESORT, IL-QAWRA - IS-SIBT, 10 TA' NOVEMBRU 2012
Sinjuri Sindki,
Sinjuri Kunsilliera,
Ħuwa ta' unur u ta' sodisfazzjon għalija li nkun hawn dalgħodu biex niftaħ din il-laqgħa magħkom il-kunsilliera.
Nieħu din l-opportunità biex f'isem il-Gvern u l-poplu Malti nirringrazzjakom kollha għall-ħidma tagħkom favur il-lokalitajiet u r-residenti li intom tirrappreżentaw. Il-Gvern hu rikonoxxenti tal-ħidma u l-impenn tagħkom lejn il-lokalità. Intom kollha qegħdin isservu lir-residenti li eleġġewkom bħala kunsilliera u ta' dan qed turu sens qawwi ta' parteċipazzjoni ċivika.
Kif tafu, il-ħidma tagħkom ma ġġibx biss il-prestiġju imma l-qofol kollu ta' din il-kariga hi r-responsabbiltà. Responsabbiltà biex isservu lir-residenti tal-lokal tagħkom u għaldaqstant lill-pajjiż kollu.
Illum il-Kunsilli Lokali għandhom firxa wiesgħa ta' responsabbiltajiet. Meta twaqqfu, il-Kunsilli Lokali kienu responsabbli tal-manutenzjoni tat-toroq, bankini u ġonna. Iżda sena wara l-oħra, rajna li stajna nkomplu nafdawlkom aktar responsabbiltajiet. U hekk għamilna.
Ir-riforma li wettaqna fil-bidu tal-leġislatura tat widen għall-ħtiġijiet tagħkom. Smajnikom u investejna fikom bħala kunsilliera, fil-Kunsilli Lokali u fil-lokalitajiet tagħkom. Minn dan igawdu r-residenti.
Żidna d-devoluzzjonijiet u l-Kunsilli Lokali qegħdin jamministraw propjetajiet skont il-bżonnijiet tal-komunità. B'inizjattiva tagħkom u bi sħubija mal-Gvern, Kunsilli Lokali differenti qegħdin iwettqu inizjattivi edukattivi, soċjali, kulturali u servizzi favur l-anzjani tagħna permezz ta' day centres fil-lokalitajiet.
Ħekk kif il-lokalitajiet tagħna qegħdin dejjem jikbru ħassejna l-bżonn li nwaqqfu 16-il-Kunsill Amministrattiv sabiex inkomplu nilħqu mill-viċin aktar residenti u saħħaħna l-Kunsilli Lokali permezz ta' ħames Kumitati Reġjonali.
Intom qegħdin tagħmlu bidla għall-aħjar fil-ħajja tan-nies. U hekk tridu tkomplu tagħmlu, bl-ideat, bl-entużjażmu u bl-enerġija tagħkom.
Qiegħed niltaqa’ ma’ ħafna nies, żgħażagħ, ommijiet, tfal u anzjani li jsemmu inizjattiva jew investiment li sar mill-Kunsilli Lokali tagħhom u li qed igawdu huma b'mod dirett.
Familji u tfal li qed igawdu l-ġonna li saru f'postijiet li qabel kienu mitluqa.
Tfal u adulti qed igawdu minn għażla ta' kotba fil-libreriji pubbliċi b’inizjattivi mal-Kunsilli Lokali.
Persuni b'diżabilità li qegħdin jibbenefikaw mis-servizzi tal-Kunsilli Lokali hekk kif l-uffiċini saru aktar aċċessibbli. Permezz ta’ skema għal dan il-għan 40 Kunsill Lokali investa fl-aċċessibilità.
Residenti u sewwieqa oħra qed igawdu minn toroq ġodda u li saru aktar sikuri għar-residenti. Il-Kunsilli Lokali b’fondi allokati mill-Gvern investew f'aktar minn 350 triq.
Turisti kif ukoll sidien tal-ħwienet qed igawdu mill-attivitajiet kulturali li qed jiġu organizzati mill-Kunsilli Lokali. F'dawn l-aħħar erba’ snin saru aktar minn 200 attività kulturali u investejna fir-restawr ta' aktar minn 75 post storiku fil-lokalitajiet.
Dawn l-esperjenzi qed ikomplu jsebbħu lil pajjiżna u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti u ta' dan għandkom l-ammirazzjoni tiegħi u tal-Gvern immexxi minni.
Fil-ġimgħat li ġejjin aktar Kunsilli Lokali se jkunu qed igawdu minn aktar skemi li ħriġna u se nkunu qed niftħu skemi ġodda sabiex inkomplu ninvestu fir-residenti tagħna.
Il-Gvern huwa konxju tal-ħtiġijiet tagħkom u għandna l-obbligu li nsostnu u ngħinu b'kull mezz il-ħidma tal-Kunsilli Lokali. Fil-fatt il-Gvern kompla jinvesti fil-Kunsilli Lokali b’żieda fil-fondi. Tajna għodda lill-kunsilliera sabiex ikunu jistgħu jwettqu numru ta' proġetti. Saħħaħna l-MEUSAC u waqqafna fond speċjali sabiex aktar Kunsilli jkunu jistgħu jibbenefikaw mis-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Fil-fatt permezz ta' fondi Ewropej qed jitwettqu 60 proġett b'investiment ta' aktar minn €18 miljun.
Dawn il-proġetti mhux biss qed itejbu l-lokalitajiet tagħna imma qed jgħinu biex ikompli jinħoloq ix-xogħol f'pajjiżna. Kull proġett, hekk hux ġonna pubbliċi, xogħlijiet fit-toroq, installazzjoni ta' enerġija nadifa kif ukoll l-attivitajiet kulturali, qed joħolqu x-xogħol għall-ħaddiema Maltin. Intom il-kunsilliera qed tatu l-kontribut tagħkom sabiex pajjiżna jkompli jikseb riżultati pożittivi fil-qasam tax-xogħol.
Sinjuri,
Tħares minn liema angolu tħares, il-kunċett lokali kien suċċess. Is-suċċess ikun akbar meta l-Kunsilli Lokali jimxu b'responsabbiltà.
Kull Kunsillier għandu jara li jimxi b'mod skrupluż mal-Kodiċi tal-Etika. Intom għandkom taraw li meta tiġu biex tieħdu jew tattwaw deċiżjonijiet li jkunu jirrigwardjaw finanzi, iġġibu quddiem għajnejkom li dawn huma finanzi fdati lilkom, li huma finanzi pubbliċi. Il-Gvern immexxi minni ħa ħsieb li jżid l-allokazzjoni finanzjarja lill-Kunsilli Lokali kull sena u intom għandkom dmir li tagħtu l-akbar valur lill-flus li qed tamministraw f'isem ir-residenti.
M'għandix dubju li l-ħeġġa tagħkom kif ukoll l-impenn lejn il-lokalitajiet u wisq aktar lejn ir-residenti, jiggwidawkom fid-deċiżjonijiet tagħkom fil-ħidma tagħkom.
Għeżież Kunsilliera,
Flimkien, Gvern, Kunsilli Lokali u residenti nkomplu naħdmu biex inwettqu aktar inizjattivi ta’ ġid.
Flimkien inkomplu naħdmu fix-xogħol, fl-edukazzjoni, fit-turiżmu u fl-ambjent. Intom, kunsilliera u sindki bil-ħidma tagħkom tridu tkunu sħab mal-Gvern fit-twettiq tal-politika u tal-viżjoni tagħna għal pajjiżna u għall-ġid tar-residenti. Il-fiduċja li wrew fikom ir-residenti tal-lokalitajiet rispettivi tagħkom għandha timlikom b’kuraġġ.
Filwaqt li nifirħilkom għall-ħidma tagħkom, nawguralkom aktar suċċess f'ħidmitkom.
Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en