Left arrow Go Back

DISKORS TAL-FTUĦ MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, TAL-KONFERENZA ORGANIZZATA MILL-ASSOĊJAZZJONI TAL-KUNSILLI LOKALI, GĦALL-KUNSILLIERA KOLLHA, FIL-LUKANDA DOLMEN RESORT, IL-QAWRA - IS-SIBT, 10 TA' NOVEMBRU 2012

pr2475
Date Icon 10/11/2012

Sinjuri Sindki,

Sinjuri Kunsilliera,

Ħuwa ta' unur u ta' sodisfazzjon għalija li nkun hawn dalgħodu biex niftaħ din il-laqgħa magħkom il-kunsilliera.

Nieħu din l-opportunità biex f'isem il-Gvern u l-poplu Malti nirringrazzjakom kollha għall-ħidma tagħkom favur il-lokalitajiet u r-residenti li intom tirrappreżentaw.  Il-Gvern hu rikonoxxenti tal-ħidma u l-impenn tagħkom lejn il-lokalità.  Intom kollha qegħdin isservu lir-residenti li eleġġewkom bħala kunsilliera u ta' dan qed turu sens qawwi ta' parteċipazzjoni ċivika.

Kif tafu, il-ħidma tagħkom ma ġġibx biss il-prestiġju imma l-qofol kollu ta' din il-kariga hi r-responsabbiltà.  Responsabbiltà biex isservu lir-residenti tal-lokal tagħkom u għaldaqstant lill-pajjiż kollu. 

Illum il-Kunsilli Lokali għandhom firxa wiesgħa ta' responsabbiltajiet.  Meta twaqqfu, il-Kunsilli Lokali kienu responsabbli tal-manutenzjoni tat-toroq, bankini u ġonna.  Iżda sena wara l-oħra, rajna li stajna nkomplu nafdawlkom aktar responsabbiltajiet.  U hekk għamilna.

Ir-riforma li wettaqna fil-bidu tal-leġislatura tat widen għall-ħtiġijiet tagħkom.  Smajnikom u investejna fikom bħala kunsilliera, fil-Kunsilli Lokali u fil-lokalitajiet tagħkom.  Minn dan igawdu r-residenti.

Żidna d-devoluzzjonijiet u l-Kunsilli Lokali qegħdin jamministraw propjetajiet skont il-bżonnijiet tal-komunità.  B'inizjattiva tagħkom u bi sħubija mal-Gvern, Kunsilli Lokali differenti qegħdin iwettqu inizjattivi edukattivi, soċjali, kulturali u servizzi favur l-anzjani tagħna permezz ta' day centres fil-lokalitajiet.

Ħekk kif il-lokalitajiet tagħna qegħdin dejjem jikbru ħassejna l-bżonn li nwaqqfu 16-il-Kunsill Amministrattiv sabiex inkomplu nilħqu mill-viċin aktar residenti u saħħaħna l-Kunsilli Lokali permezz ta' ħames Kumitati Reġjonali.

Intom qegħdin tagħmlu bidla għall-aħjar fil-ħajja tan-nies.  U hekk tridu tkomplu tagħmlu, bl-ideat, bl-entużjażmu u bl-enerġija tagħkom.

Qiegħed niltaqa’ ma’ ħafna nies, żgħażagħ, ommijiet, tfal u anzjani li jsemmu inizjattiva jew investiment li sar mill-Kunsilli Lokali tagħhom u li qed igawdu huma b'mod dirett.

Familji u tfal li qed igawdu l-ġonna li saru f'postijiet li qabel kienu mitluqa. 

Tfal u adulti qed igawdu minn għażla ta' kotba fil-libreriji pubbliċi b’inizjattivi mal-Kunsilli Lokali.

Persuni b'diżabilità li qegħdin jibbenefikaw mis-servizzi tal-Kunsilli Lokali hekk kif l-uffiċini saru aktar aċċessibbli.  Permezz ta’ skema għal dan il-għan 40 Kunsill Lokali investa fl-aċċessibilità.

Residenti u sewwieqa oħra qed igawdu minn toroq ġodda u li saru aktar sikuri għar-residenti.  Il-Kunsilli Lokali b’fondi allokati mill-Gvern investew f'aktar minn 350 triq.

Turisti kif ukoll sidien tal-ħwienet qed igawdu mill-attivitajiet kulturali li qed jiġu organizzati mill-Kunsilli Lokali.  F'dawn l-aħħar erba’ snin saru aktar minn 200 attività kulturali u investejna fir-restawr ta' aktar minn 75 post storiku fil-lokalitajiet.

Dawn l-esperjenzi qed ikomplu jsebbħu lil pajjiżna u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti u ta' dan għandkom l-ammirazzjoni tiegħi u tal-Gvern immexxi minni.

Fil-ġimgħat li ġejjin aktar Kunsilli Lokali se jkunu qed igawdu minn aktar skemi li ħriġna u se nkunu qed niftħu skemi ġodda sabiex inkomplu ninvestu fir-residenti tagħna.

Il-Gvern huwa konxju tal-ħtiġijiet tagħkom u għandna l-obbligu li nsostnu u ngħinu b'kull mezz il-ħidma tal-Kunsilli Lokali.  Fil-fatt il-Gvern kompla jinvesti fil-Kunsilli Lokali b’żieda fil-fondi.  Tajna għodda lill-kunsilliera sabiex ikunu jistgħu jwettqu numru ta' proġetti.  Saħħaħna l-MEUSAC u waqqafna fond speċjali sabiex aktar Kunsilli jkunu jistgħu jibbenefikaw mis-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea.  Fil-fatt permezz ta' fondi Ewropej qed jitwettqu 60 proġett b'investiment ta' aktar minn €18 miljun.

Dawn il-proġetti mhux biss qed itejbu l-lokalitajiet tagħna imma qed jgħinu biex ikompli jinħoloq ix-xogħol f'pajjiżna.  Kull proġett, hekk hux ġonna pubbliċi, xogħlijiet fit-toroq, installazzjoni ta' enerġija nadifa kif ukoll l-attivitajiet kulturali, qed joħolqu x-xogħol għall-ħaddiema Maltin.  Intom il-kunsilliera qed tatu l-kontribut tagħkom sabiex pajjiżna jkompli jikseb riżultati pożittivi fil-qasam tax-xogħol.

Sinjuri,

Tħares minn liema angolu tħares, il-kunċett lokali kien suċċess.  Is-suċċess ikun akbar meta l-Kunsilli Lokali jimxu b'responsabbiltà.

Kull Kunsillier għandu jara li jimxi b'mod skrupluż mal-Kodiċi tal-Etika.  Intom għandkom taraw li meta tiġu biex tieħdu jew tattwaw deċiżjonijiet li jkunu jirrigwardjaw finanzi, iġġibu quddiem għajnejkom li dawn huma finanzi fdati lilkom, li huma finanzi pubbliċi.  Il-Gvern immexxi minni ħa ħsieb li jżid l-allokazzjoni finanzjarja lill-Kunsilli Lokali kull sena u intom għandkom dmir li tagħtu l-akbar valur lill-flus li qed tamministraw f'isem ir-residenti.

M'għandix dubju li l-ħeġġa tagħkom kif ukoll l-impenn lejn il-lokalitajiet u wisq aktar lejn ir-residenti, jiggwidawkom fid-deċiżjonijiet tagħkom fil-ħidma tagħkom.

Għeżież Kunsilliera,

Flimkien, Gvern, Kunsilli Lokali u residenti nkomplu naħdmu biex inwettqu aktar inizjattivi ta’ ġid.

Flimkien inkomplu naħdmu fix-xogħol, fl-edukazzjoni, fit-turiżmu u fl-ambjent.  Intom, kunsilliera u sindki bil-ħidma tagħkom tridu tkunu sħab mal-Gvern fit-twettiq tal-politika u tal-viżjoni tagħna għal pajjiżna u għall-ġid tar-residenti.  Il-fiduċja li wrew fikom ir-residenti tal-lokalitajiet rispettivi tagħkom għandha timlikom b’kuraġġ.

Filwaqt li nifirħilkom għall-ħidma tagħkom, nawguralkom aktar suċċess f'ħidmitkom.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Imnedija l-Iskema Familja+ b’investiment ta’ €4.7 miljun li mistennija tilħaq madwar 7,000 tifel u tifla

PR262026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  Minister Silvio Schembri opens Tech Xpo and launches Malta’s AI Strategy 2.0

PR262025en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

More Press Releases Right arrow