RATIFIKATA L-KONVENZJONI TAN-NAZZJONIJIET UNITI TAD-DRITTIJIET TAL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ
Il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said għamel żjara fl-uffiċċji tal-KNPD fil-ġurnata tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà. Dan wara li fl-10 ta’ Ottubru 2012 ġie depożitat l-istrument ta’ ratifikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni li tirrappreżenta żvilupp fundamentali għall-mod kif in-Nazzjonijiet Uniti tħares lejn persuni b’diżabilità – persuni li għandhom drittijiet ugwali u mhux persuni li jeħtieġu trattament differenti biex itejbu l-opportunitajiet tagħhom.
Il-Konvenzjoni tipprovdi lill-istati membri prinċipji prattiċi li għandhom l-iskop li jiggarantixxu aċċess ugwali għal persuni b’diżabilità - b’dan il-mod jissaħħu t-tgawdija tad-drittijiet umani tagħhom. Chris Said saħaq li l-mixja lejn dan il-pass importanti tixhed l-impenn qawwi tal-Gvern għal titjib kontinwu tal-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità. Kienet dejjem mira importanti li l-persuni b’diżabilità jingħataw l-għodda li hemm bżonn biex jilħqu l-milja tagħhom waqt li jkunu parteċipi fl-iżvilupp tal-pajjiż.
“Il-Gvern huwa impenjat li jkompli joħloq opportunitajiet għal dawn il-persuni għaliex jemmen li għandhom ħafna x’joffru lis-soċjetà tagħna” saħaq Chris Said waqt li spjega kif din ir-ratifikazzjoni se tkun qed tikkonsolida d-drittijiet li diġà jeżistu għall-persuni b’diżabilità Maltin, bħalma hi l-Liġi Opportunitajiet Indaqs Persuni b’Diżabilità. Saret referenza wkoll għall-liġi tal-Guardianship li tinsab fi stadju ta’ Kumitat fil-Parlament li hi liġi maħsuba sabiex il-persuni b’diżabilità jinqatgħu għal kollox mill-interdizzjoni u mill-inkapaċitazzjoni, u jekk ma jkunux jistgħu jieħdu ħsieb ta’ ħwejjiġhom, minflok jinħatar kustodju li jkun jista’ jirrappreżentahom b’mod aktar ekwu.
Il-Ministru Chris Said faħħar ix-xogħol tal-KNPD li din is-sena qed tfakkar 25 sena mit-twaqqif tagħha - Kummissjoni li hi simbolu ta’ avvanz konsiderevoli għall-persuni diżabilità minn mindu twaqqfet fl-1987 u li ġabet bidla fl-attitudni tas-soċjetà Maltija lejn il-mod kif tħares lejn il-persuni b’diżabilità.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en