IL-PAZJENT U L-PROFESSJONIST IGAWDU DIRETTAMENT MINN INVESTIMENT FIT-TEKNOLOĠIJA
L-Isptar Mater Dei se jkollu il-“cloud” tiegħu
Waqt seminar organizzat mill-Medical Imaging Department, Radiographers li jaħdmu f’oqsma differenti tad-Dipartiment kellhom l-opportunità li jinfurmaw lil xulxin bl-innovazzjonijiet varji li huma daħlu fis-seħħ bl-iskop li l-pazjent jinqeda dejjem aħjar.
Il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komuntà qal li kważi kull proċedura medika b’xi mod tmiss mad-dan id-Dipartiment. Il-Ministru rrimarka li l-professjoni ta’ Radiographer evolviet b’ritmu pjuttost mgħaġġel u dan ġab miegħu bidliet kbar. Filwaqt li sellem lil dawk li ilhom snin twal jaħdmu fis-servizz tas-saħħa, Cassar qal li d-differenzi huma evidenti. Ewlieni fosthom hemm l-appart u l-makkinarju li filwaqt li qabel kien goff u jagħmel użu minn casettes tqal, illum il-maġġoranza tal-magni huma eletroniċi u diġitali. Dan ġab miegħu ukoll il-bidla dwar il-mod li bih jiġu miżmuma l-xrays u records oħra, li llum huma diġitali.
L-Onor. Joe Cassar qal li l-akbar investiment li sar kien propju fir-riżorsa umana u llum għandna professjoni, li għalkemm fadlilha fejn tesplora, matul is-snin kompliet tissaħħaħ. Hu qal li bis-saħħa ta’ sforz kollettiv u servizzi ġodda, il-ħidma f’dan id-Dipartiment kompliet tiżdied. Fil-fatt, is-sena li għaddiet ir-Radiographers fl-Isptar Mater Dei biss għamlu aktar minn 113,000 eżami mediku f’diversi oqsma bħall-mammograms, general radiography, proċeduri speċjali, MRIs etc.
L-Investiment li sar u li llum qiegħed jintuża biex itejjeb il-kwalità ta’ ħajja tal-pajzent hu sinjal ċar ta’ kemm il-Gvern qed jieħu dan is-settur bis-serjetà. Fil-fatt, qal il-Ministru, aktar kmieni din is-sena sar investiment f’software li jgħin biex tinħareġ 3D image ta’ tumur, u li jgħin ħafna biex it-terapija tingħata b’mod preċiż. Grazzi għal ħidma politika, il-Ministeru għamel arranġament mal-Gvern Svizzeru li permezz tiegħu id-Dipartiment se jkollu wkoll PET/CT Scan ġdid, filwaqt li sar investiment f’Radiographers ġodda biex iħaffu x-xogħol li dejjem qiegħed jiżdied.
L-użu tat-teknoloġija fl-Isptar Mater Dei mhix xi ħaġa ġdida. Il-Fatt li pratikament kollox qiegħed jinżamm u jsir b’mod diġitali qiegħed jippermetti l-Isptar biex iħares lejn sistemi li jkomplu jgħinu biex jiġi ffaċilitat ix-xogħol, dejjem bl-iskop li l-pazjent jinqeda aħjar. Il-Ministru Cassar ħabbar li l-Isptar Mater Dei bħalissa qiegħed iħejji biex ikollu “cloud” tal-Isptar biex tiffaċilità il-qsim ta’ informazzjoni medika, partikolarment ma’ sptarijiet barranin, meta jkun hemm bżonn.
Il-Ministru rringrazzja lir-Radiographers u qal li għalkemm jifhem li kien hemm żieda sostanzjali fit-talba għas-servizzi tagħhom minn kemm ilu li nfetaħ l-Isptar Mater Dei, japprezza wkoll li saħansitra kien hemm żieda fl-ammont ta’ servizzi offruti. L-Onor. Joe Cassar awgura lir-Radiographers il-ġodda u għamlilhom appell biex jużaw l-esperjenza miksuba minn sħabhom qabilhom sabiex dejjem joffrru l-aħjar servizz lill-pazjent.
Is-Sur Joe Castillo, Manager tad-Dipertament irringrazzja lill-professjonisti tal-attendenza numeruża għal-dan is-seminar, li ġie deskritt bħala sinjal ċar ta’ interess mhux biss fil-professjoni u d-Dipartiment imma fuq kollox lejn il-pazjent.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en