PREŻENTAZZJONI TA’ GĦAJNUNA FINANZJARJA LIŻ-ŻEWĠ TEATRI TAL-BELT VICTORIA
Waqt laqgħa mal-presidenti taż-żewġ soċjetajiet filarmoniċi tal-belt Victoria, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, ippreżentat għajnuna finanzjarja indirizzata speċifikament biex tgħin lis-soċjetajiet tal-Banda Leone u l-Banda La Stella ikopru parti mill-ispejjeż marbuta mar-rappreżentazzjonijiet operistiċi li ġew imtellgħa fiż-żewġ teatri rispettivi f’dawn l-aħħar ġimgħat.
Għal sena oħra ż-żewġ teatri ppreżentaw żewġ opri liriċi b’rappreżentazzjonijiet li għalihom attendew għadd kbir ta’ Maltin u barranin flimkien ma’ bosta Għawdxin. Fit-teatru Aurora ġiet imtellgħa l-opra Turandot filwaqt li fit-teatru Astra ttellgħet l-opra Madama Butterfly. Il-Ministru għal Għawdex fissret kif dawn l-opri komplew ikabbru l-prestiġju taż-żewġ teatri, li minn sena għall-oħra dejjem ippreżentaw b’suċċess rappreżentazzjonijiet ta’ livell għoli li komplew jiġu mtejba biex kull sena irnexxielhom joffru spettakli mill-isbaħ. ‘Il-Gvern jirrikonoxxi l-kontribut siewi tas-soċjetajiet tagħkom fit-tisħiħ tal-prodott turistiku Għawdxi b’attivitajiet li jsaħħu l-valur ta’ Għawdex bħala destinazzjoni kulturali’ qalet il-Ministru Debono. Hija fissret kif f’dawn l-aħħar snin il-Ministeru għal Għawdex ingħata allokazzjoni speċifika li tkopri l-għajnuna li tingħata lil dawn iż-żewġ teatri b’mod distint minn attivitajiet kulturali oħra.
Filwaqt li ferħet lil Dr Michael Caruana, President tas-Soċjetà Leone u lis-sur Paul Zammit, President tas-Soċjetà La Stella għal dak li hija sejħet ‘suċċess ieħor li kompla jistabilixxi lil Għawdex bħala attrazzjoni kulturali fil-qasam tal-mużika lirika’ il-Ministru għal Għawdex fissret kif mertu kbir għandu jingħata wkoll lil bosta membri ta’ dawn iż-żewġ soċjetajiet li jaħdmu b’tant ħeġġa b’mod volontarju. Hija esprimiet ukoll sodisfazzjon fir-rigward tal-parteċipazzjoni tat-talent lokali li għal darba oħra ġibed l-ammirazzjoni tal-udjenzi preżenti, filwaqt li fissret kif matul is-snin dawn ir-rappreżentazzjonijiet kienu strumentali fil-ħolqien ta’ opportunitajiet li nċentivaw ukoll l-iżvilupp kontinwu tat-talent lokali.
Matul l-aħħar sena ż-żewġ teatri bbenefikaw ukoll minn skema tal-Ministeru għal Għawdex għal Għaqdiet mhux Governattivi taħt il-Pjan ta’ Azzjoni ekoGħawdex 2010-2012. Permezz ta’ finanzjament ta’ €50,000 is-Soċjetà Filarmonika Aurora setgħet tagħmel proġett li permezz tiegħu s-saqaf tas-sala tat-teatru Aurora, li kien magħmul mill-asbestos, seta’ jiġi mibdul. Minn naħa tagħha s-Soċjetà Filarmonika La Stella, li wkoll bbenefikat minn finanzjament ta’ €50,000 wettqet xogħol strutturali u ta’ manutenzjoni fuq il-palk tat-teatru Astra filwaqt li ġie wkoll irreklamat il-festival Mediterranea barra minn Malta.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en