PROGRAMM TA’ RESTAWR EKOLOĠIKU F’ERBA’ SITI JINKLUDI TAĦWIL TA’ MADWAR 1000 SIĠRA U ARBUXELLI F’GĦAWDEX
Permezz tal-proġett SIMBIOTIC li ġie mniedi f’Mejju tal-2011, ġiet ikkordinata ħidma li permezz tagħha f’Għawdex qed jitħawlu madwar 1000 siġra u arbuxelli f’erba’ siti ta’ sbuħija naturali f’Għawdex. Dan ser iwassal biex jintlaħqu l-objettivi marbuta mal-parteċipazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex bħala sieħeb fil-proġett Sicily-Malta BIOgeographical Transboundary Insular Connectivity (SIMBIOTIC). L-għan ta’ din il-parteċipazzjoni hu li tiġi mtejba r-rabta ekoloġika bejn ix-Xlokk ta’ Sqallija u Għawdex permezz ta’ restawr u riabilitazzjoni tal-abitat naturali fil-gżira Għawdxija kif ukoll permezz ta’ tisħiħ u mmaniġġjar tal-artijiet protetti fix-Xlokk ta’ Sqallija u f’Għawdex.
Dan il-proġett huwa parzjalment finanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Programm ta’ Kooperazzjoni bejn il-Fruntieri bejn l-Italja u Malta 2007 – 2013. L-imsieħba l-oħra flimkien mal-Ministeru għal Għawdex jinkludu l-Istitut tas-Sistemi Ambjentali fi ħdan l-Università ta’ Malta li qed imexxi dan il-proġett, id-Dipartiment tal-Bijoloġija fl-Università ta’ Katanja u l-Comune di Pachino tal-Provinċja ta’ Sirakuża.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex żaret żewġ siti fejn f’dawn il-jiem qed jiġu mħawla s-siġar li jinkludu fost l-oħrajn Ballut, Ħarrub, Żebbuġ, Rand, Deru, Ġenista Safra, Klin, Għargħar, Riħana u Arżnu. Is-siti li tlieta minnhom huma fuq art tal-Gvern u oħra fuq art privata jinkludu l-Farm tal-Gvern fix-Xewkija, Masġar taż-Żebbuġ fl-inħawi Ta’ Lambert fix-Xewkija, is-sit magħruf bħala t-Taksis fl-inħawi ta’ Daħlet Qorrot fin-Nadur u sit fuq l-Għolja ta’ Għammar qrib Ta’ Pinu.
Ix-xogħol marbut ma’ dan il-proġett kien jinkludi tindif u preparazzjoni tas-siti biex eventwalment setgħu jibdew jiġu mħawla s-siġar b’investiment ta’ ftit aktar minn €320,000. Filwaqt li s-sit f’Daħlet Qorrot kien jipproponi ambjent naturali mill-isbaħ bil-ħtieġa ta’ interventi minimi, Ta’ Lambert kien jirrekjedi aktar xogħol ta’ tindif u tneħħija ta’ siġar li mietu minħabba atti vandali. L-akbar numru ta’ siġar, madwar 500, se jiġu mħawla fil-farm tal-Gvern li qed jiġi mibdul f’Ċentru ta’ Innovazzjoni fix-Xjenzi Rurali u l-Ħarsien tal-Ambjent. Madwar 150 siġra oħra li se jitħawlu fuq l-Għolja ta’ Għammar ser ikunu qed jieħdu post numru ta’ siġar tal-Akaċja biex b’hekk jerġgħu jirrestawraw l-ambjent tal-post b’siġar indiġeni.
Il-Ministru għal Għawdex fissret kif l-għanijiet ta’ dan il-proġett jaqblu perfettament mal-miri u l-ħidma tal-gvern fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni ekoGħawdex. Barra minhekk ser ikun qed jikkontribwixxi wkoll fl-impenn tal-Ministeru għal Għawdex biex itejjeb il-prodott turistiku Għawdxi bħala destinazzjoni rurali ta’ kwalità.
Hija fissret kif dawn is-siti huma mistennija li jkunu wżati bħala laboratorji ħajja biex ikompli jiġi studjat il-qasam ta’ bijodiversità rikk li għandha l-gżira ta’ Għawdex filwaqt li ser iservu wkoll bħala proġett pilota għal inizjattivi oħra simili fil-futur. ‘Fuq kollox f’temp ta’ ftit xhur ser inkunu qegħdin inroddu lura erba’ siti oħra għat-tgawdija tal-pubbliku wara li ftit ilu erġajna ftaħna Villa Rundle u inawgurajna Ġnien it-Tliet Għoljiet’ żiedet tgħid il-Ministru Giovanna Debono.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en