KOPERATTIVA MAGĦMULA MINN EX-XUFIERA TA’ TAL-LINJA JINVESTU 3 MILJUN EWRO U JOĦOLQU L-IMPJIEGI
"Il-koperattivi Maltin mhumiex biss fenomenu ekonomiku iżda mudell ta’ intraprenditorjat li huwa mfassal fuq valuri bażiċi tad-demokrazija, ugwaljanza, parteċipazzjoni u solidarjetà. Dawn il-valuri jgħinu lil Gvern sabiex ikompli jinċentiva dan is-settur li tant huwa importanti." Dan qalu l-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi dalgħodu, meta kien qed iżur lill-koperattiva Focal Point li hija ffurmata minn ex-xufiera ta’ tal-linja.
Focal point hija koperattiva li ġiet mwaqqfa f’Jannar tal-2011 li toffri servizz ta’ trasport permezz ta’ coaches u mini buses lil diversi skejjel kif ukoll lil diversi gruppi ta’ turisti. B’kollox il-kumpanija tħaddan fiha 8 membri. Is-Sur Joe Abela, membru ta’ din il-koperattiva qal li fl-aħħar sentejn, il-koperattiva żiedet 3 membri ġodda. Huwa qal li bejniethom, il-membri tal-koperattiva jħaddmu ’l fuq minn 40 ruħ. Il-Ministru Azzopardi qal li dan jawgura tajjeb u jfisser li din il-koperattiva sejra tajjeb ħafna fix-xogħol tagħha li jirrifletti f’aktar ħidma f’dan is-settur.
Il-koperattiva investiet €3 miljun Ewro, sabiex setgħat tixtri l-karrozzi l-ġodda tagħha. Illum b’kollox, Focal Point għandha 25 coach kif ukoll 18-il mini bus. Il-Ministru Azzopardi qal li din il-koperattiva investiet fis-sod u emmnet fil-potenzjal li hija tħaddan. Qal li dan l-investiment, illum issarraf fiz-żieda tal-membri u l-ħaddiema kif ukoll fil-ħolqien ta’ aktar xogħol. Fil-futur, il-koperattiva tixtieq li tippenetra u tiffoka aktar ix-xogħol tagħha fis-settur tat-turiżmu.
Il-Ministru Azzopardi saħaq li koperattiva hija organizazzjoni li għandha sens socjali u li hi sensittiva għall-bżonnijiet tal-membri tagħha kif ukoll tagħti każ ħafna tan-nies li jiffurmawha. Waqt iż-żjara, l-Ministru ħabbar ukoll li għadhom kif ġew iffurmati 3 koperattivi ġodda; il-Malta Boatmen and Mooring Services Coop jew kif inhuma magħrufa l-irmiggjaturi, li jieħdu ħsieb li jorbtu l-ħbula tal-vapuri mal-mollijiet u żewġ koperattivi oħra li jorganizzaw u joffru sesssjonijiet ta’ taħriġ għal diversi entitajiet.
Fl-aħħar nett il-Ministru Azzopardi awgura lil din il-koperattiva, li f’sena u nofs biss li ilha topera diġà ħalliet riżultati tajbin u pożittivi. Huwa ħeġġeġ lill-aktar koperattivi sabiex dawn jimxu fuq l-eżempju ħaj ta’ Focal Point, biex b’hekk tkompli tisaħħaħ l-ekonomija u jiżdiedu l-impjiegi. Feraħ ukoll lit-tlett koperattivi ġodda li ġew ffurmati u ħeġġeġ li jkun hemm it-twaqqif ta’ aktar koperattivi.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en