REAZZJONI TAL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI GĦALL-PUNTI MQAJMA WAQT KONFERENZA TAL-AĦBARIJIET MIŻ-ŻEWĠ KOPERATTIVI TAS-SAJJIEDA
Il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali jirreferi għall-Konferenza tal-Aħbarijiet li saret illum miż-żewġ koperattivi tas-sajd.
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali jtenni li m’għandu l-ebda intenzjoni li joħloq xi diskriminazzjoni bejn sajjieda tat-tonn u sajjieda oħra, pero huwa importanti li kulħadd ikun jaf x’jgħidu r-regolamenti li fuqhom hija msawra l-iskema ta’ waqfien permanenti mis-sajd. Skont ir-regolament tal-Fond Ewropew tas-Sajd, jistgħu jitkissru biss bastimenti li huma nvoluti f’tip ta’ sajd għal speċi li dwarhom hemm pjan ta’ rkupru, management plan jew pjan simili. Barra minn hekk, ir-regolament jitlob ukoll li l-iskema trid tkun applikabbli fejn ikun hemm ceiling fuq dik it-tip ta’ liċenzja partikolari, kif inhu l-każ tat-tonn.
Għar-rigward tal-proposta li għandu jkun hemm fondi għall-investimenti fil-bastimenti tas-sajd, il-Ministru jtenni li din il-proposta saret waqt laqgħa li ssejħet mal-koperattivi tas-sajd nhar il-25 ta’ Ottubru li għadda. Wara diskussjonijiet mal-Awtorita ta’ Ġestjoni tal-Fond Ewropew tas-Sajd li tinsab fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ġie deċiż li l-Gvern ser jaħdem biex tinħareġ skema tal-immodernizzar sal-aħħar ta’ Novembru. Il-Koperattivi ġew mistiedna mill-Awtorità ta’ Ġestjoni għal-laqgħa li ser issir illum stess biex tiġi diskussa din l-iskema.
Dwar il-punt imqajjem mill-Koperattivi tas-Sajjieda dwar ħlas pendenti għall-bastimenti li applikaw għall-fondi taħt l-iskema tal-modernizzazzjoni tal-2010, il-Ministeru jsostni li meta jitqiesu l-proġetti eliġibbli, kellhom jitħallsu mal-€190,000. Sa llum tħallsu €104,000 jew 55% tal-flus dovuti. Dwar il-bqija, kien hemm diskussjoni mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħlasijiet tagħhom u matul Settembru saru numru ta’ spezzjonijiet fuq id-diversi benefiċjarji biex ikun konfermat b’mod tekniku li l-investiment li ntqal li se jsir fil-fatt sar skont l-applikazzjoni u skont ir-regoli Ewropej. Il-Ministeru jinsab fil-proċess li joħroġ dawn il-pagamenti pendenti.
Fl-aħħarnett issemma wkoll il-punt dwar użu ta’ scrapyards privati għat-tkissir ta’ bastimenti taħt l-iskema preżenti għall-waqfien permanenti ta’ bastimenti liċenzjati għat-tonn. Fis-snin l-imgħoddija, l-bastimenti dejjem tkissru fil-Hard Standing Facility ta’ Marsaxlokk. Wara li s-sena li għaddiet il-MEPA irċiviet xi ilmenti dwar dan, il-Ministeru kien infurmat ftit jiem qabel ma nħarġet l-iskema li l-permess tal-hard standing facility ma jkoprix it-tkissir ta’ bastimenti ghax mhux ikkunsidrat bħala xogħol minuri. Il-MEPA, li hi l-awtorità kompetenti għall-implimentazzjoni tad-direttiva dwar l-iskart saħqet li dan it-tkissir jista’ jsir biss f’tarznari liċenzjati, liema tarznari ġew indikati lis-sajjieda fil-Linji Gwida maħruġa lilhom bħala parti minn din l-iskema. Minkejja dan il-Ministeru se jressaq applikazzjoni mal-MEPA biex il-faċilita’ ta’ hardstanding f’Marsaxlokk tkun tista’ tintuża għal tkissir ta’ bastimenti tas-sajd u ser ikun qed iżomm lill-koperattivi nfurmati.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en